Il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, iddiskuta l-inflazzjoni, il-loġistika, u anke s-sigurtà tal-provvista: tliet suġġetti li bħalissa qed jaffettwaw il-prezz ta’ prodotti b’mod globali, b’riżultat tal-gwerra fl-Ukrajna u anke kaġun tal-irkupru mill-pandemija.
Is-sħab soċjali flimkien mal-Ministru responsabbli mill-Ekonomija, Silvio Schembri, u s-Segretarju Parlamentari responsabbli mid-Djalogu Soċjali, Andy Ellul, iddiskutew dwar kif se jiġu megħluba l-isfidi ġodda li qed iġġib magħha l-gwerra fil-Lvant ta-Ewropa.
Il-Ministru Silvio Schembri fakkar li anki fl-eqqel żmien tal-pandemija saru diskussjonijiet bejn il-Gvern u s-sħab soċjali sabiex lkoll jiġbdu ħabel wieħed, u l-istess qed isir f’din is-sitwazzjoni.
Qal, “Irridu naraw kif għelibna l-isfidi fil-passat, fejn anke kif il-Gvern intervjena b’ċerti għajnuniet u, anke bħalissa, qed jintervjeni bis-saħħa, speċjalment fejn jidħlu l-prezzijiet tal-enerġija, naraw kif anke issa nibdew naraw kif ħa nindirizzaw ċertu sfidi li anke minħabba l-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja qegħdin jaffetwaw il-pajjiż tagħna.”
Waqt il-laqgħa tal-MCESD, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul qal li Malta tinsab fi żvantaġġ ġeografiku għax tiddependi fuq l-importazzjoni, u għalhekk meta l-prodotti jogħlew barra minn xtutna, se jaffetwaw ukoll il-prezzijiet lokalment.
Qal, “Aħna smajna dak li kellhom x’jgħidu l-professjonisti biex, fl-aħħar mill-aħħar, dik l-informazzjoni mbagħad nużawha anke fit-tfassil tal-policies tagħna biex, bħala Gvern, inkunu ta’ għajnuna kemm għan-negozjant, għall-ħaddiema, u anke għal min iħaddem, speċjalment f’dawn iċ-ċirkostanzi internazzjonali li d-dinja għaddejja minnhom.”
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul qal li l-pożizzjoni ġeografika ta’ pajjiżna tkompli żżid mal-isfida . Madankollu, dan mhux iwaqqaf ir-rieda tal-Gvern li jkompli jindirizza dawn l-isfidi.
Ellul qal li l-isfidi jridu jiġu indirizzati wkoll fil-livell Ewropew u dan isir wara djalogu ekwu mas-sħab soċjali kollha.