Minn mindu l-pandemija tal-COVID-19, l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-l-Konsumatur, l-MCCAA, irċeviet mal-mitt talba minn koppji li din is-sena kienu se jgħidu s-signor si u kellhom jipposponu l-jum għażiż għalihom. Minn dawn il-mitt talba, li l-maġġoranza tagħhom kienu relatati mal-ikel tat-tieġ u s-swali, madwar għaxra minnhom kienu ilmenti dwar servizzi relatati mat-tiġijiet fosthom kumpaniji li mhux jonoraw l-obbligi tagħhom.
ONE news tkellem ma’ Odette Vella, id-Direttur tal-Informazzjoni u r-Riċerka fi ħdan l-awtorità fejn spjegat li d-drittijiet tal-koppji jvarjaw skont iċ-ċirkostanzi tagħhhom, filwaqt li l-kuntratti li ffirmaw ma’ min jipprovdi dawn is-servizzi jistgħu jaffetwaw id-drittijiet u l-obbligi li għandhom lejn dawk li qed ituwhom is-servizz.
Saħqet li dawk li se jagħtu s-servizz fl-isbaħ jum tal-koppja għandhom jonoraw l-obbligi tagħhom.
“Min qed jipprovdi s-servizz għandu l-obbligu li jipprovdi s-servizz skont kif miftihem mal-koppja, fid-data mifthema bil-prezz maqbul u arranġamenti oħra li jkunu għamlu bejniethom, jekk hu qiegħed f’kundizzjoni li jista’ jagħmel dan, mela qed iwettaq l-obbligi legali tiegħu”
Odette Vella kompliet tispjega li hemm żewġ alternattivi f’każ li l-kumpanija li jkollha x’taqsam mat-tieġ tal-koppja ma tkunx tista’ tonora l-kuntratt.
“Hemmhekk hemm żewġ alternattivi jew li flimkien mal-koppja jifthemu fuq data alternattiva, aktar ‘il quddiem meta ovvjament is-sitwazzjoni tiġi aktar għan-normal allura t-tieġ ikun jista’ jsir b’mod normali jew inkella jiġi kkanċellat il-kuntratt tax-xiri”
Intant, minkejja li fil-maġġoronza tal-każijiet ikun hemm qbil bejn il-koppja u min jipprovdi s-servizz, ġieli jkun hemm każijiet fejn il-qbil bejn iż-żewġ partijiet ikun impossibbli.
“Jekk ma jintlaħaqx dan il-ftehim imbgħad il-koppja jkollha l-possibiltà li tressaq il-każ tagħha quddiem it-tribunal għat-talbiet tal-konsumatur u hemmhekk imbgħad li wieħed jista’ jieħu deċiżjoni jekk il-koppja għandhiex dritt pereżempju tieħu d-depożitu lura jew kellhiex dritt tħallas dik il-penali li forsi minn ipprovdielha s-servizz ried jimponi talli jkunu pposponew id-data”