Il-Ministeru għal Għawdex u l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur iffirmaw ftehim li se jwassal biex sal-aħħar tas-sena l-Awtorità tiftaħ fergħa f’Għawdex. Dan huwa uffiċju ta’ 220 metru kwadru fi Triq Sant’Eliżabetta, fix-Xewkija.
Fl-okkażjoni tal-iffirmar tal-ftehim, intqal kif l-Awtorità għandha rwol ewlieni fit-tkabbir ekonomiku tal-gżejjer Maltin u fis-suq, fejn il-konsumaturi jingħataw termini kummerċjali ġusti, prodotti siguri u servizzi ta’ kwalità.
L-Awtorità preżentament twettaq attivitajiet ta’ sorveljanza kif ukoll ċertifikazzjoni tas-suq f’Għawdex u l-impjegati jkollhom jivvjaġġaw minn Malta għal Għawdex biex iwettqu dawn l-attivitajiet.
Il-Ministru għal Għawdex, Justyne Caruana nnutat kif permezz ta’ uffiċċju modern u spazjuż f’Għawdex, l-Awtorità se tipprovdi lill-impjegati Għawdxin l-opportunità li jaħdmu minn Għawdex stess u jiffrankaw l-ivvjaġġar ta’ kuljum bejn iż-żewġ gżejjer.
Fil-fatt permezz ta’ dan il-ftehim ħaddiema Għawdxin li kienu jaħdmu mal-Awtorità f’Malta issa se jibdew jaħdmu f’Għawdex.
Innutat ukoll kif għaddejjin iżjed diskussjonijiet biex aktar dipartimenti tal-Gvern, awtoritajiet u aġenziji jiftħu fergħat f’Għawdex, biex l-impjegati li ta’ kuljum jaqsmu lejn Malta għax-xogħol, ikollhom xogħol f’Għawdex u fl-istess waqt jiżdiedu s-servizz f’Għawdex stess.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur Deo Debattista qal li bil-ftuħ ta’ din il-fergħa f’Għawdex, l-Awtorità tal-Konsumatur qed tkompli tagħmel id-differenza biex tkun aktar qrib in-nies.
Iċ-Chairperson tal-MCCAA l-Inġinier Helga Pizzuto, spjegat kif l-uffiċċju l-ġdid se jippermetti lill-Awtorità biex tipprovdi tixrid aħjar ta’ informazzjoni, servizz aħjar ta’ assistenza għall-konsumatur, helpdesk rigward l-importazzjoni ta’ kimiċi, pestiċidi u prodotti oħra, u toffri servizzi ta’ kalibrar, ċertifikazzjoni u ttestjar speċifiku.