L-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) ħabbret ir-rebbieħa tar-raba’ edizzjoni ta’ Premju Servizz bi Tbissima waqt ċerimonja ta’ premjazzjoni imtella’ fis-16 ta’ Novembru 2018.
Il-kompetizzjoni inkludiet 5 kategoriji u l-votazzjoni mill-pubbliku kienet bejn it-23 ta’ Mejju u l-4 ta’ Lulju 2018.
Ir-rebbieħa mill-ħames kategoriji differenti kienu dawn li ġejjin:
Il-kategorija Apparat Elettroniku u Oġġetti tad-Djar intrebħet minn SCAN, filwaqt li Homemate u Forestals ikklassifikaw fit-tieni u t-tielet post rispettivament.
Il-kategorija Bejjiegħa Lokali Onlajn intrebħet minn sparkleimage.com, filwaqt li xusmalta.com ikklassifikat fit-tieni post. It-tielet post ingħata lil scanmalta.com.
Centro Moda rebaħ il-kategorija ta’ Moda u Sbuħija. F’din il-kategorija, Beauty Plus ikklassifikat fit-tieni post, filwaqt li Trichomania Hair Studio ġie kklasifikat fit-tielet post.
Ir-rebbieħ tal-kategorija Supermarkets u Mini Markets kien Smart Supermarket, segwit minn Lidl fit-tieni post. It-tielet post ingħata lil Scotts Supermarket u lil Park Towers Supermarket li t-tnejn ġabu punti indaqs.
Il-kategorija ta’ Vjaġġar intrebħet minn Brittania Tours, filwaqt li SMS Mondial u Hamilton Travel kklassifikaw fit-tieni u t-tielet post rispettivament.
Fl-indirizz tiegħu s-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018, l-Onor. Deo Debattista enfasizza l-importanza tal-customer care u tas-servizz wara x-xiri għat-tkabbir fin-numru ta’ konsumaturi. Huwa inkoraġixxa lir-rebbieħa sabiex jibqgħu jipprovdu servizz tajjeb filwaqt li jimmotivaw lil bejjiegħa oħrajn sabiex jadottaw prattiċi kummerċjali li huma ta’ benefiċċju għall-konsumatur u dan isaħħaħ id-drittijiet tal-konsumatur skont il-liġi.
Iċ-Chairperson tal-MCCAA, l-Inġ Helga Pizzuto innutat b’sodisfazzjoni il-parteċipazzjoni tal-pubbliku f’din il-kompetizzjoni. Dan jirrifletti mhux biss l-importanza li jagħtu l-konsumaturi lejn servizzi ta’ kwalità; iżda jirrifletti wkoll ir-rikonoxximent tal-konsumaturi lejn id-dedikazzjoni tal-bejjiegħa f’dan ir-rigward.
Il-kumpaniji li rċivew il-maġġoranza tal-voti fil-ħames kategoriji differenti għaddew minn taħt il-lenti tal-MCCAA, sabiex jiġi assigurat li l-bejjiegħa rrispettaw il-Kodiċi ta’ Kondotta marbut ma’ dan il-Premju. L-MCCAA kkonfermat, li l-kumpaniji osservaw ir-regolamenti relevanti; li l-prezzijiet fil-ħwienet tagħhom kienu indikati skont ir-Regolamenti għall-Indikazzjoni tal-Prezzijiet; li l-ilmenti tal-konsumatur ġew trattati u solvuti fi żmien raġjonevoli; u li fejn possibbli ġie evitat li l-ilmenti ġew riferuti għand it-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur billi instabet soluzzjoni xierqa permezz tal-medjazzjoni. Ir-rebbieħa ta’ kull kategorija ingħataw trofew, ċertifikat u l-użu tal-logo ta’ Premju Servizz bi Tbissima.
Waqt iċ-ċerimonja ta’ premjazzjoni, sitt konsumaturi magħżula bix-xorti minn dawk li pparteċipaw fil-votazzjoni, ingħataw ċekk ta’ €100 kull wieħed. Dawn iċ-ċekkijiet kienu preżentati miċ-Chairperson tal-Awtorità u mid-Direttur Ġenerali għall-Affarijiet tal-Konsumatur, Joyce Borg.