L-MCAST u l-Università ta’ Malta ffirmaw memorandum of understanding li se jwassal biex l-istudenti li qed jistudjaw dwar l-edukazzjoni u kura tat-tfulija bikrija fl-MCAST ikunu jistgħu jibqaw isegwu l-istudji tagħhom fl-Università ta’ Malta.
Matul l-iffirmar tal-ftehim, il-Prinċipal tal-MCAST, Stephen Cachia, qal li l-ftehim se jwassal għal aktar opportunitajiet biex l-istudenti jkomplu bl-istudji tagħhom u jkunu jistgħu jiksbu degree.
Ir-Rettur tal-Università, Alfred Vella, qal li l-ftehim huwa eżempju ċar ta’ kemm l-istituzzjonijiet edukattivi jistgħu jaħdmu flimkien fl-aħjar interess tal-istudenti biex eventwalment pajjiżna jlaħħaq mad-domanda għal iżjed ħiliet fil-qasam tax-xogħol. Innota, kif ftehim simili jista’ jkun applikat ukoll ma fakultajiet oħra.
Iċ-ċermen tal-bord tad-Gvernaturi Silvio Debono, innota kif bejn iż-żewġ istituzzjonijiet jista’ jkun hemm tfassil ta’ programmi maħsuba biex jissaħħu l-ħiliet tal-istudenti. Min-naħa tiegħu, l-Ministru għall-edukazzjoni, Evarist Bartolo, sostna fuq il-bżonn ta’ iżjed ħidma għall-formazzjoni ta’ għalliema mhux biss permezz ta’ aktar ħidma ma’ entitajiet relevanti u aktar diskussjonijiet mal-MUT biex ikompli jittejbu l-kundizzjonijiet tal-għalliema.