Il-Kulleġġ MCAST flimkien mal-Iskola Nazzjonali għall-Isport iffirmaw ftehim kollaborattiv li se jkun qed isaħħaħ ir-relazzjoni eżistenti bejn iż-żewġ istituzzjonijiet edukattivi għall-aħjar tal-istudenti. Dan il-Memorandum of Understanding ġie ffirmat fil-Ministeru għall-Edukazzjoni fil-preżenza tal-Ministru għall-Edukazzjoni, Evarist Bartolo.
Permezz ta’ din is-sħubija l-Iskola Nazzjoni għall-Isport se tkun qed tagħti lok lill-MCAST biex tiftaħ fergħa fuq il-kampus tagħha fil-faċilitajiet tal-NSS f’Pembroke.
L-NSS se tkun qed tagħti lok lill-MCAST biex tagħmel użu mill-faċilitajiet tagħha sabiex tħarreġ lill-istudenti li jkunu qed jistudjaw fis-settur tal-isport.
Din il-kollaborazzjoni se tkun qed tara liż-żewġ naħat biex jiddisinjaw, jiżviluppaw u jimplimentaw kors tad-degree fis-sitt livell fil-qasam tal-Isport. Fejn iż-żewġ naħat se jkunu qed jinnominaw persuna sabiex toħloq u tikkordina l-attivitajiet speċifiċi li jkun hemm qbil dwarhom.