Matul is-sena li ġejja, l-MCAST se tkun qed toffri ħames korsijiet ġodda fost il-202 kors full-time li se tkun qed toffri għas-sena akkademika 2024/2025.
Dan tħabbar f’seminar ġewwa l-campus tal-MCAST f’Paola fejn ġie imniedi il-prospett il-ġdid għas-sena akkademika li jmiss fejn għal din l-attività attendew madwar 90 għalliema, letturi, u konsulenti.
Dawn il-korsijiet offruti jvarjaw f’setturi differenti kif ukoll fuq livelli ta’ kwalifiċi varji. Għas-sena akkademika li ġejja li se tibda f’Ottubru, ġew imħabbra erba’ korsijiet ġodda: Baċċellerat tal-Arti fl-Animazzjoni, Masters f’Media Kreattiva u l-Entrapriża, Diploma fl-Operat tal-Ivjaġġar u l-Avjazzjoni, kif ukoll Baċċellerat tax-Xjenza fl-Inġiniera Ċivili u Strutturali.
Il-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST, il-Professur James Calleja saħaq kemm l-MCAST hu l-post ideali sabiex wieħed ikun jista’ jiffoka fuq il-prattika ta’ dak li jkun jixtieq jistudja. F’kumment li qal, il-Professur Calleja sostna kif il-korsijiet preżenti llum se jkomplu jgħinu l-istudenti jippreparaw għad-dinja tax-xogħol.
Qal, “Dan ma jfissirx li se jkunu biss 202 għaliex il-korsijiet jevolvu mad-dinja tax-xogħol u aħna nibqgħu naġġornaw dan il-prospett matul is-sena. Hemm korsijiet ġodda però l-iktar ħaġa importanti li jiena enfasizzajt dalgħodu kienet il-fatt illi l-istudenti tagħna jidħlu fid-dinja tax-xogħol meta jidħlu l-MCAST u dan għalina huwa importanti ferm illi kull student jieħu esperjenza fid-dinja tax-xogħol waqt li jkun qed jistudja”
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima sostna l-importanza tal-MCAST u kemm hu importanti li dan il-kulleġġ ikompli jinvesti fl-istudenti tiegħu.
Qal, “Permezz tal-investiment kontinwu, l-MCAST għandu rwol dejjem aktar ċentrali u importanti f’dik li hija s-sistema edukattiva tagħna – sistema edukattiva tagħna li trid tagħti dejjem aktar toroq lill-istudenti sabiex dawn jieħdu l-ħiliet neċessarji sabiex jilħqu anke dak li huwa l-iżvilupp tagħhom u allura huwa importanti li jkollok dat-tip ta’ prospetti li joffru varjetà wiesa’ iżda fuq kollox ta’ kwalità ta’ toroq illi l-istudenti jistgħu jieħdu u fuq kollox ikun prospett illi jirrifletti dik li hija s-soċjetà Maltija u anke fejn sejra l-istess soċjetà u anke l-opportunitajiet illi hemm fid-diversi setturi industrijali ta’ pajjiżna”