L-istipendju dovut lill-istudenti kollha qed jiġi mħallas bl-eċċezzjoni ta’ numru żgħir ħafna ta’ studenti (1% tal-applikazzjonijiet sottomessi) li għad trid tittieħed deċiżjoni dwar l-eliġibilità tagħhom. Qalet dan l-MCAST fi stqarrija b’reazzjoni għs-sitwazzjoni fil-kulleġġ wara d-diversi rapporti li dehru f’sezzjoni tal-midja fil-ġranet li għaddew.
L-MCAST pero’ nnotat ukoll li fadal 11% tal-applikazzjonijiet li fihom intalbet informazzjoni addizzjonali lill-istudenti, liema informazzjoni għada ma ġietx sottomessa mill-istudenti nfushom, u għalhekk id-deċiżjoni dwar l-eliġibilita’ ma tistax tittieħed.
L-MCAST saħaq li l-istipendju ser joħroġ fil-ġurnata skedata tat-28 ta’ Jannar, u dan minkejja li l-attendenzi mhux qed jaslu għand l-amministrazzjoni tal-kulleġġ minħabba direttivi eżistenti. L-istipendju xorta waħda ser joħroġ fid-data imsemmija, sħiħ u mingħajr tnaqqis, bi qbil mal-Ministeru tal-Edukazzjoni u Impjieg.
Wara diversi diskussjonijiet bejn l-MCAST u l-MUT, il-kwistjonijiet li wasslu għad-direttivi qed jiġu indirizzati bil-ħsieb li tittieħed deċiżjoni pożittiva kemm jista’ jkun malajr, sabiex fost oħrajn il-proċess tal-assessjar jerġa’ lura għan-normal.
L-MCAST spjegat kif qed jimxi skont il-qbil li ntlaħaq mal-Unjin Maltija tal-Għalliema (MUT) f’laqgħa fid-29 ta’ Ottubru dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim kollettiv li ġie iffirmat fis-27 ta’ Lulju 2018. F’din il-laqgħa ġie maqbul li l-arretrati tal-2018 ser jinħarġu f’Jannar 2019. F’Diċembru li għadda tħallsu l-arretrati tal-2017. Ta’ min jinnota li għad hemm numru ta’ letturi li wara li l-MCAST ikkuntattjom għadhom ma ġabrux iċ-ċekk tal-arretrati li nħarġu kif stipulat wara l-kjarifiki mal-letturi.
L-MCAST kkonfermat kif rapporti fil-midja li dehru llum stess fejn intqal li l-arretrati tal-2018 ser jaslu għand il-letturi sal-aħħar ta’ Jannar, u li l-letturi tal-MCAST se jkunu qed jirċievu l-fondi għar-riżorsi fiż-żmien li ġej wara li l-MCAST u l-MUT qablu dwar il-policy tar-riżorsi.
L-MCAST spjega kif huwa mpenjat li l-letturi jirċievu kull remunerazzjoni li huma intitolati għaliha, saħansitra ġiet implimentata struttura biex min-naħa tal-MCAST, tiffaċilita l-kjarifiki li jkun hemm bżonn bejn l-edukaturi tal-kulleġġ u l-ufficju tal-finanzi tal-MCAST mill-aktar fis possibbli.