L-aħbar żvelata iktar kmieni din il-ġimgħa, dik li l-kumpanija De La Rue se tkun qed żżid l-operat tagħha f’Malta, kompliet tħeġġeġ l-MCAST li qed jippjana korsijiet fis-settur. Dan biex jilqa’ għad-domanda ta’ ħaddiema mħarrġa mis-suq.
Domanda li se tkompli tiżdied anke bil-miġja tal-kumpanija Crane Currency f’pajjiżna li se tkun qed tħaddem iktar minn 200 persuna.
Silvio Debono, iċ-Ċermen tal-MCAST, tkellem b’sodisfazzjon dwar ir-ritmu li qabdet l-MCAST fit-tħejjija ta’ dan il-kors. Huwa spjega li l-komunitá tal-ipprintjar qed titlob li jkollna studenti mħarrġa tajjeb għalhekk l-MCAST se tkun qed tħejji kors intensiv ta’ sitt xhur li qed joffri opportunitá lil żgħażagħ biex ikunu preparati għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol.
Il-kors se jinqasam f’tliet fażijiet li matulhom l-istudenti se jkun mħarrġa dwar x’għandhom jagħmlu qabel l-ipprintjar, l-ipprintjar innifsu kif ukoll fuq ix-xogħol li jsir wara.
Iżda fl-aħħar mill-aħħar, b’mod konkret kif wieħed se jibbenefika jekk itemm b’suċċess dan il-kors?
Iċ-ċermen tal-MCAST spjega li hemm diversi opportunitajiet ta’ xogħol miż-żewġ kumpaniji kbar li se jkunu qed jinvestu f’pajjiżna. Silvio Debono stqarr li “Din hija industrija li kibret u li qed titlob work force li tkun imħarrġa, l-istudenti se jkunu qed igawdu wkoll minn impjiegi ta’ kwalitá”