L-MCAST lest biex jiltaqa’ mal-MUT u DIER għal laqgħa ta’ konċiljazzjoni u m’għandu l-ebda intenzjoni li jintroduċi xi prattiċi ġodda.
B’riferenza għal dikjarazzjoni maħruġa mill-MUT illum, l-MCAST permezz ta’ stqarrija qal li jixtieq jiċċara l-punt li l-ebda prattika ġdida ma ġiet introdotta matul il-perjodu msemmi.
Fid-dawl ta’ dikjarazzjonijiet ta’ aktar kmieni llum, l-MCAST ma jsib l-ebda oġġezzjoni li jkompli d-diskussjonijiet u jsib bażi komuni, bħalma jiġri f’każijiet oħra.
Fil-fatt, l-MCAST kiteb lid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali (DIER) għadd ta’ drabi biex jitlob laqgħa ta’ konċiljazzjoni sabiex it-taħditiet jerġgħu jibdew u DIER ikkomunika r-rieda tiegħu li ssir laqgħa bħal din. Fl-istqarrija, ingħad li dan għandu jsir b’rispett lejn l-istudenti biex tinstab triq ‘il quddiem.
L-għan aħħari tal-MCAST huwa li jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal tal-għalliema tiegħu u li jkompli jżid l-istandards f’dan is-settur, sabiex l-istudenti Maltin u Għawdxin ikunu jistgħu jkomplu l-vjaġġ edukattiv tagħhom u jirnexxu fl-aspirazzjonijiet tagħhom.