Il-Kulleġġ Malti għall-Arti u x-Xjenza l-MCAST iddikjara li lest jirtira l-proċeduri legali li fetaħ kontra l-Unjin tal-Għalliema l-MUT.
Fi stqarrija, l-MCAST qal li lest jieħu dan il-pass b’rieda tajba. Dan sakemm jerġgħu jibdew u jintemmu d-diskussjonijiet dwar il-ftehim kollettiv.
L-MCAST qal li minkejja l-fatt li d-diskussjonijiet jistgħu jibqgħu sejrin anke jekk hemm każ il-qorti, jinsab lest jieħu dan il-pass bil-għan li jintlaħaq ftehim.
L-MCAST tenna l-pożizzjoni tiegħu li jkompli bid-diskussjonijiet u qal li diġà offra pakkett tajjeb biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-istaff akkademiku u jinsab dispost li jkompli bid-diskussjonijiet għall-benefiċċju tal-istaff u tal-istudenti.
B’reazzjoni, il-President tal-MUT Marco Bonnici qal ma’ ONE NEWS li kemm-il darba ma jkun hemm l-ebda theddida, l-MUT m’għandha l-ebda diffikultà li jkomplu bid-diskussjonijiet.