L-MCAST appella lill-union tal-għalliema, l-MUT biex tirtira d-direttivi tagħha dwar li l-letturi ma jagħtux lezzjonijiet lill-istudenti.
Dan minħabba li telqet il-provvista tal-ilma għal ftit ħin.
Fi stqarrija l-MCAST iċċara li l-provvista tal-ilma telqet wara żball li sar minn kuntrattur tat-toroq li kien qed iwettaq xogħlijiet viċin il-kampus tal-MCAST.
L-MCAST spjega li fil-ħdax ta’ filgħodu bdiet ħidma biex tirritorna l-provvista tal-ilma u fl-istess ħin inġabu bowsers tal-ilma.
Intqal li sas-siegħa neqsin kwart ta’ wara nofsinhar il-provvista tal-ilma ġiet lura għan-normal.
L-MCAST qal li huwa ħasra li l-MUT ordnat dawn l-azzjonijiet u tellfet il-lezzjonijiet lill-istudenti minkejja li dak li ġara ma kienx jiddependi mill-amministrazzjoni tal-MCAST.