Il-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST) ingħaqad ma’ konsorzju ta’ Universitajiet u flimkien ħolqu l-ewwel Alleanza Universitarja Ewropea ta’ Studju Doppju li tiffoka fuq it-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol. Din hija kofinanzjata mill-programm ERASMUS+ tal-Unjoni Ewropea.
L-Università Ewropea EU4Dual, li hija ċentru ta’ eċċellenza fl-edukazzjoni doppja, se tlaqqa’ flimkien id-dinja tal-akkademja u l-industrija, biex jikkollaboraw u joffru programmi ta’ edukazzjoni ogħla b’saħħithom u tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol.
Meta tkellem wara t-tnedija ta’ din l-inizjattiva, il-Prinċipal u CEO tal-MCAST il-Professur Joachim James Calleja qal, “Huwa privileġġ għalina li nkunu qed naħdmu ma’ disa’ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja biex niżguraw edukazzjoni tal-aqwa kwalità.”
Spjega li din l-alleanza għandha viżjoni moderna u flessibbli ta’ tagħlim. Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni se jkunu offruti żewġ programmi konġunti ta’ masters u dual doctorate wieħed.
“Ninsabu determinati li nibqgħu noffru opportunitajiet ta’ mobilità lill-istaff u lill-istudenti,” temm jgħid il-Professur.
Ir-ritratt ewlieni juri l-pajjiżi parteċipi fl-inizjattiva EU4Dual.