L-MCAST irrefera għal rapporti li allegaw li l-istudenti apprentisti tal-MCAST qed jaħdmu sajf sħiħ għal €200 fix-xahar jew €1.20 fis-siegħa.
Fuq il-mezzi tax-xandir tal-Partit Nazzjonalista deher artiklu intitolat: Waqt li l-Prim Ministru jitkellem kontra l-prekarjat … l-istudenti tal-MCAST jitħallsu €1.20 fis-siegħa
Permezz ta’ stqarrija L-MCAST iċċara li dan assolutament mhuwiex minnu u l-istudenti apprentisti fil-fatt jitħallsu iktar mid-doppju tal-ammont imsemmi.
Permezz ta’ deċiżjoni li ttieħed mill-Gvern is-sajf li għadda, studenti apprentisti issa qed jibqgħu jitħallsu l-istipendju matul s-sajf, ħaġa li ma ssirx għal studenti post-sekondarji oħra. B’dan il-mod, jekk wieħed jgħodd il-ħlas li jingħataw mill-isponsor tal-apprentistat tagħhom flimkien mal-istipendju li jibqgħu jieħdu, l-istudenti apprentisti jitħallsu €433.96 fix-xahar matul is-sajf tal-ewwel sena tal-apprentista tagħhom u €442.88 fix-xahar matul is-sajf tat-tieni sena.
L-MCAST iċċara li l-iskop tal-apprentistat huwa li l-istudenti isaħħu t-tagħlim tagħħom billi ikollhom taħriġ prattiku b’esperjenza reali permezz ta’ apprentistat ma’ kumpaniji u industriji li joperaw fis-suggett vokazzjonali li qed jistudjaw fih l-istudenti stess.
Għal dan il-għan, il-kumpaniji u l-industriji jagħtu kontribut finanzjarju lil kull apprentist li jisponsorjaw ta’ €49.97 fil-gimgħa matul l-ewwel sena u €52.20 matul it-tieni sena tal-apprentistat. Dan il-kontribut jibqa’ jingħata anki meta l-istudenti ma jkunux fuq il-post tax-xogħol u jkunu qed jattendu l-MCAST għall-istudji tagħhom.
Barra minn hekk, l-MCAST iċċara li l-istudenti apprentisti jingħataw l-stipendju sħiħ bħall-istudenti l-oħra kollha post-sekondarji matul is-sentejn tal-kors. Bid-differenza ta’ studenti post-sekondarji l-oħra, l-istudenti jingħataw l-istipendju anki matul is-sajf tal-ewwel u tat-tieni sena.
L-MCAST qed jaħdem mal-kumpaniji u l-industrji sabiex jara li l-esperjenza fuq il-post tax-xogħol tal-apprentisti tintrabat kemm tista’ mal-istudji tal-istudenti fl-MCAST. Għalhekk, tispjega l-istqarrija, l-apprentistat ma jista’ qatt jitqabbel ma’ impjieg u għandu jitqies bħala estensjoni tal-programm tal-istudji tal-istudenti. Dan jiddependi mill-koperazzjoni tal-industrija sabiex l-istudenti ikunu jistgħu jingħataw din l-esperjenza sħiħa.
Dan hu l-artiklu li deher fuq il-mezzi tal-komunikazzjoni tal-PN.