Il-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST) saħaq mal-industrijalisti biex joffru aktar opportunitajiet ta’ apprendistat lill-istudenti tagħha. Dan minħabba nuqqas ta’ opportunitajiet vakanti għall-apprendisti, bl-MCAST tgħid li l-kumpaniji jieħdu madwar 800 student li jridu jkomplu l-kors tagħhom billi jattendu apprendistat.
Din is-sena kien hemm 1,364 student li qegħdin f’apprendistat ma’ kważi 500 kumpanija differenti.
Dawn l-isfidi ġew diskussi waqt business breakfast għal dawk kollha fis-settur fil-kampus f’Raħal Ġdid it-Tnejn filgħodu, bit-tema prinċipali tkun l-importanza tal-investiment fit-talent lokali u l-ħtieġa li aktar kumpaniji jipparteċipaw fl-iskema tal-apprendistat.
L-avveniment kien parti mill-skeda ta’ laqgħat fejn l-MCAST qed jiltaqa’ mal-industrija, bl-appoġġ tal-Ministeru għall-Edukazzjoni.
Diversi kelliema ewlenin minn diversi entitajiet lokali, fosthom il-Kamra tal-Kummerċ, il-Kamra Maltija tan-Negozji Żgħar u Medji, l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, JobsPlus u l-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija pparteċipaw f’panel ta’ diskussjoni.
Fost is-suġġetti diskussi kien hemm ir-reviżjoni u t-titjib tal-politika tal-iskema ta’ apprendistat, l-importanza tal-mentoring u diskussjonijiet dwar l-aġġornamenti meħtieġa għal-leġiżlazzjoni attwali tal-apprendistati li l-MCAST għandu jkun ewlieni fil-politika tal-impjiegi, u l-ħiliet fil-livell nazzjonali.
Il-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST, il-Professur Joachim James Calleja, qal li, bħala kulleġġ vokazzjonali, it-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol hu fil-qalba tiegħu u joffri aktar minn 50 programm f’27 settur differenti li jinkludu ammont ta’ apprendistati. Sostna li hemm bżonn l-appoġġ tal-industrija biex, flimkien, ikunu jistgħu jippreparaw liż-żgħażagħ għad-dinja tax-xogħol b’ħiliet tekniċi, tal-ħajja u esperjenzi ta’ tagħlim siewja.
Kumpaniji interessati fl-iskema ta’ apprentistat tal-MCAST jistgħu jikkuntattjaw lill-kulleġġ fuq apprenticeship.vacancies@mcast.edu.mt.