Il-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija flimkien mal-Kamra tal-Kummerċ organizzaw kollokju li iffoka fuq il-ħtiġijiet futuri tal-industrija marbuta mal-implimentazzjoni ta’ edukazzjoni li tindirizza l-istess ħtiġijiet wara l-pandemija.
Id-diskussjoni saret bejn is-setturi tal-industrija u l-edukazzjoni biex jantiċipaw l-ħiliet li l-industrija fil-futur ser teħtieġ.
Fost il-ħiliet li l-aktar li qed ikunu imbuttati huma l-ħsieb kritiku u t-tagħlim kontinwu speċjalment bl-introduzzjoni ta’ teknoloġija ġdida bħall-intelliġenza artifiċjali.
Fil-preżentazzjoni tal-kollokju, il-Prinċipal tal-MCAST, James Calleja saħaq dwar l-importanza li l-kulleġġ ikun f’kuntatt mal-qasam tal-industrija sabiex jipprepara aħjar lill-istudenti għad-dinja tax-xogħol.
Qal, “Inħossu li l-MCAST u min iħaddem għandhom jaħdmu aktar flimkien biex il-kwalifiki li jkollna l-MCAST, il-ħiliet li nagħtu lill-istudenti tagħna ikunu dawk il-ħiliet li għandha bżonn l-industrija. Dan mhux ser ikun l-aħħar kollokju anzi qed nippjanaw laqgħat oħra ma’ min iħaddem biex il-programmi tagħna ikunu aktar aġġornati mat-tibdiliet kbar li hemm fid-dinja tax-xogħol.”
Minn naħa tal-Kamra tal-Kummerċ, il-Kap Eżekuttiv Marthese Portelli iddeskriviet dan il-kollokju pass pożittiv minħabba li juri kif s-settur edukattiv f’Malta qed jaħseb għall-ġejjieni.
Spjegat, “Qegħdin naraw l-edukazzjoni fejn trid tmur, edukazzjoni li tkun intiża biex tilħaq dak li għandha bżonn l-industrija. Allura irridu naħsbu mhux biss f’dak li huwa neċessarju illum però f’dak li ser ikollna bżonn fis-snin li ġejjin. U l-aħjar mod kif dan nottjenuh hu billi l-industrija u l-edukazzjoni jħejju l-pjan flimkien.”
Preżenti għal dak il-kollokju kien hemm ukoll il-Ministru għall-Edukazzjoni, Justyne Caruana, li faħħret l-inizjattiva tal-MCAST hekk kif qiegħed ikun katalist fit-tibdiliet meħtieġa biex il-ġenerazzjonijiet tal-lum u għada jtejbu l-ħiliet tagħhom.
Qalet li l-Gvern għandu fiduċja fil-potenzjal ta’ dan il-kulleġġ biex jgħin ħalli ż-żgħażagħ tagħna jkunu mpjegabbli f’xogħlijiet ta’ kwalità.