L-MCAST jixtieq jesprimi d-diżappunt qawwi tiegħu dwar il-fatt li l-MUT iddeċiediet li terġa’ lura u żżid l-azzjonijiet industrijali wara għadd ta’ laqgħat twal li rreġistraw progress sinifikanti lejn ftehim finali kif ukoll in-negozjati għadhom għaddejjin u baqa’ laqgħa oħra skedata għal nhar it-Tlieta li ġej bejn iż-żewġ naħat.
L-MCAST tgħid li huwa inaċċettabbli li l-MUT reġgħet attivat u żiedet l-azzjonijiet industrijali b’dan il-mod.
Sal-lum intlaħaq ftehim dwar numru ta’ kwistjonijiet fosthom ftehim biex jiżdied is-salarju massimu għall-għalliema kollha sal-livell massimu propost minn MUT għall-2018, ftehim dwar l-introduzzjoni ta’ grad ġdid ta’ Senior Lecturer, u anke ftehim dwar aktar flessibilità fis-sistema ta’ ‘core hour’ li tagħti flessibilità ikbar lilletturi fuq meta jkunu jeħtieġu li jkunu fuq il-kampus.
Għall-ewwel darba intlaħaq ukoll ftehim biex jiġu inklużi numru ta’ miżuri ġodda favur il-familja fi ħdan il-Ftehim Kollettiv. L-MCAST qed joffri wkoll aktar mid-doppju tal-benefiċċju tar-riżorsi tax-xogħol li bħalissa qed jingħata lil-letturi u offra wkoll rata ogħla ta’ ħlas għal xogħol addizzjonali li sar mill-letturi.
Għall-ewwel darba wkoll offra wkoll skala ta’ pagamenti addizzjonali b’rata ta’ ħlas ogħla għall-kitba ta’ units ta’ studju ġodda bħala parti mill-Ftehim Kollettiv. L-MCAST esprima wkoll ir-rieda tiegħu li jkompli n-negozjati dwar is-siegħat ta’ tagħlim tal-letturi, issistemi tax-xogħol użati matul ix-xahar ta’ Settembru, kriterji ta’ eliġibbiltà għall-progressjoni tal-grad u t-tisħiħ tal-investiment fl-iżvilupp professjonali tal-istaff akkademiku.
Għar-raġunijiet kollha ta ‘hawn fuq, l-MCAST ma jifhemx il-loġika li biha l-MUT iddeċiediet li terġa’ lura u żżid l-azzjonijiet industrijali, u b’hekk twaqqaf in-negozjati f’fażi fejn kien hemm progress sinifikantiu. Sfortunatament jidher li l-istudenti tal-MCAST issa se jsiru vittmi tal-politika interna fi ħdan il-MUT li kienu l-oġġett ta’ spekulazzjoni tal-midja mifruxa f’dawn l-aħħar jiem.
Matul in-negozjati, l-MCAST, flimkien mal-Industrial Relations Unit (IRU) tas-Servizz Pubbliku, wera impenn qawwi biex tinstab soluzzjoni finali għall-ftehim kollettiv il-ġdid. Huwa kompletament falz li l-MCAST jew l-IRU urew xi tattiċi ta’ dewmien. Għall-kuntrarju, kemm l-MCAST kif ukoll l-IRU urew impenn qawwi biex jagħtu pakkett imtejjeb ħafna għall-istaff akkademiku tal-MCAST. L-MCAST jemmen bil-qawwa li ftehim finali jista’ jintlaħaq biss madwar il-mejda tan-negozjati u mhux permezz ta’ azzjonijiet industrijali bla skop. Tali azzjonijiet qed jikkawżaw biss ħsara lill-istudenti tal-MCAST filwaqt li jservu biex ifixklu bis-sħiħ il-possibbiltà li jintlaħaq ftehim finali. L-MCAST għalhekk jappella lill-MUT biex tissospendi l-azzjonijiet industrijali għal darb’oħra sabiex tippermetti li n-negozjati jkomplu u biex ma jiġux trasferiti elementi fi ħdan il-MUT li qed jużaw it-tensjonijiet interni li dehru dan l-aħħar biex imexxu l-aġenda tagħhom stess. Dan qalu l-MCAST fi stqarrija li ħarġu.