L-MCAST ser tibda toffri kors fuq livell ta’ Masters iffukat fl-implimentazzjoni tal-intelliġenza artifiċjali, intiż biex jgħin lil negozji eżistenti jidħlu f’dan il-qasam.
Il-kors, li jġib l-isem ta’ Masters in AI for Industry jagħmel parti mill-istrateġija tal-MCAST dwar l-intelliġenza artifiċjali.
Dan qiegħed ikun immirat għal persuni li diġà jinsabu fid-dinja tax-xogħol li mhumiex tekniċi fil-qasam, bħal professjonisti u persuni fin-negozju.
Għalhekk il-kors qiegħed jiffoka fuq l-implimentazzjoni ta’ din it-teknoloġija f’diversi oqsma.
Il-Kordinatur tal-programm, Stephen Hall spjega kif il-kors li huwa maqsum fuq sentejn, ivarja minn tagħrif ġenerali fuq l-intelliġenza artifiċjali u kif dawn jistgħu jkunu applikati fil-ħidma ta’ oqsma diversi.
Huwa stqarr: “L-ewwel sena fuq it-teknoloġija tal-intelliġenza artifiċjali u mbagħad it-tieni sena fuq kif tiġi applikata jiġifieri l-aktar ħaġa partikolari ta’ dan il-programm li qed noffru fl-MCAST li hija differenti minn programmi oħrajn hija illi ma nidħlux fid-dettal tat-teknoloġija imma niffukaw iżjed fuq kif tiġi applikata.”
Il-Viċi Direttur tal-Innovazzjoni fl-MCAST Edwin Zammit, qal kif permezz ta’ korsijiet bħal dawn qed jinħolqu strutturi ġodda li jinkludi din it-tip ta’ teknoloġija innovattiva f’korsijiet edukattivi.
Zammit spjega ukoll kif qed ikunu offruti boroż ta’ studju maħruġa mill-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali, l-MDIA.
Dawn il-boroż ta’ studju huma parti minn sensiela ta’ korsijiet offruti f’livelli sebgħa u tmienja bl-isem ta’ Pathfinder. Dawn jistgħu jgħinu jiffinanzjaw sa tmenin fil-mija tal-valur tal-kors bil-għan li jinċentivaw studenti prospettivi jipparteċipaw f’dan il-kors.
Huwa fisser: “Bħalissa hawn borża ta’ studju għal dawn il-korsijiet bħal dan il-kors fl-livell numru sebgħa u tmienja. Dan l-iscolarship huwa mniedi mill-MDIA u jismu ‘Pathfinder’, u jista’ jgħin studenti li huma interessati u nies li huma interessati li jistudjaw f’dan il-qasam.”
Il-kors qiegħed jittella’ b’kolloborazzjoni mal-Aġenzija Maltija għall-Informatika, l-MITA. Għaldaqstant, kull min huwa interressat huwa mħeġġeġ jikseb aktar informazzjoni minn fuq is-sit tal-MCAST.