Il-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCAST nieda l-istrateġija għas-sitt snin li ġejjin.
Din l-istrateġija se tkun riflessa fuq il-ħtieġa tal-komunità, il-ħtieġa tal-istudenti u l-għalliema u anke lill-pajjiżna.
Din l-istrateġija sal-elfejn sebgħa u għoxrin se tkompli u ssaħħaħ l-istrateġija preżenti sal-aħħar ta’ din is-sena u din l-istrateġija se twassal sal-elfejn u tletin.
Din l-istrateġija saret fix-xhur li għaddew u elf u seba’ mitt persuna ħadu sehem matul dan il-proċess ta’ konsultazzjoni, li fiċ-ċentru tagħha kien hemm l-istudenti u l-għalliema.
Il-Prinċipal u l-Kap Eżekutiv tal-MCAST, il-Professur James Calleja qal li din l-istrateġija għandha tliet temi prinċipali.
Dawn huma li l-istudenti jkunu aktar attivi fil-kulleġġ u t-tagħlim ikun effettiv. Li jkun hemm titjib fl-infrastruttura u li din tkun sostenibbli u l-qalba diġitali fil-Kulleġġ.
Calleja stqarr: “Aħna din hija strateġija ċara għalina fejn irridu mmorru sal-2027, biex inkomplu sal-2030 biex l-istudent Malti li jiġi l-MCAST ikollu l-opportunità ta’ tagħlim sħiħ sal-ogħla livell ta’ kwalifika possibli.”
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana qalet li l-MCAST hija istituzzjoni importanti u b’saħħitha f’pajjiżna.
Il-Ministru Caruana fissret din l-istrateġija bħala waħda li se tgħin is-suq tax-xogħol: “Fejn qed naraw l-MCAST tipproġetta ruħha bħala stakeholder u partner importanti fl-andament ekonomiku ta’ pajjiżna. Biex tipprepara l-kapital uman illi għandna bżonn għal ekonomiji ġodda illi qed jinbnew f’pajjiżna. Però qed naraw opportunitajiet għall-istudenti tagħna, imma wkoll għal dawk il-ħaddiema illi jridu jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom billi jtejbu l-kwalitajiet tagħhom.”