Fis-sena skolastika li ġejja, il-Kulleġġ għall-Arti, ix-Xjenza, u t-Teknoloġija, l-MCAST, se joffri 200 kors minn livell bażiku għal korsijiet fil-livelli ta’ Baċellerat u Master’s. Minn Ottubru tas-sena d-dieħla, se jiġu offruti disa’ korsijiet ġodda.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha ġie mniedi l-prospett il-ġdid, li jinkludi l-arti kreattiva, ix-xjenza applikata, l-inġinerija, is-servizzi fil-komunità, u l-informatika.
Il-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-Kulleġġ, il-Professur Joachim James Calleja, qal li l-istudenti rreġistrati full-time żdiedu bi 8 fil-mija meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Qal ukoll li aktar studenti qed jagħżlu korsijiet relatati max-xjenzi u l-inġinerija.
Il-Professur Calleja sostna li l-Kulleġġ huwa impenjat biex l-istudenti f’dan il-kulleġġ jiksbu l-karriera li jixtiequ.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima, qal li l-investiment fl-edukazzjoni u l-ħiliet huwa ta’ prijorità. Qal li l-ewwel gruppi ta’ studenti li għażlu suġġetti vokazzjonali qed jimxu b’suċċess lejn l-edukazzjoni ogħla.
Huwa saħaq li l-firxa ta’ korsijiet li joffri dan il-kulleġġ hija impressjonanti u tgħaddi messaġġ ċar lill-istudenti biex jisfruttaw dawn l-opportunitajiet ta’ tagħlim.
Il-prospett jista’ jitniżżel direttament mill-website tal-Kulleġġ, mcast.edu.mt. mcast.edu.mt