Bħala parti mill-attivitajiet marbuta mas-77 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York, mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela attendiet għas-serata Fashion for Development fuq stedina tal-fundatriċi Evie Evangelou.
Fashion for Development hija pjattaforma privata globali bil-għan li toffri appoġġ għall-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti permezz tal-kreattività li taf toffri d-dinja tal-moda u l-ispetakklu. Il-fondazzjoni tixpruna ruħha minn erba’ prinċipji ewlenin: l-edukazzjoni, id-determinazzjoni u t-titjib u t-tisħiħ tal-iżvilupp sostenibbli.
F’intervista li kellha Lydia Abela f’Park Avenue fi New York, hija saħqet dwar l-importanza tal-iżvilupp sostenibbli fl-industrija tal-moda. “Nemmen li l-iżvilupp sostenibbli għandu jkun fiċ-ċentru tal-industrjia tal-moda u propju qegħdin hawnhekk illum għal dan il-għan,” qalet Dr Abela. F’dan il-kuntest, Lydia Abela ffukat fuq żewġ temi partikolari: is-soċjal u dak ambjentali. “Is-soċjal u dak ambjentali huma l-iżjed kruċjali. Irridu nkomplu naħdmu f’kuntest globali biex intejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Min-naħa l-oħra, fis-settur ambjentali rridu nkomplu l-ħidma tagħna biex innaqqsu l-marka tal-karbonju u nilħqu l-miri globali li ġew stabbiliti,” saħqet Dr Abela.
“Permezz ta’ inizjattiva bħal din, inkunu qegħdin noħolqu kuxjenza u nwasslu messaġġ b’saħħtu lit-tfal tagħna u ġenerazzjonijiet iżgħar li lkoll kemm aħna nistgħu nagħmlu l-parti tagħna biex inġibu l-bidla meħtieġa,” temmet tgħid mart il-Prim Ministru.
Waqt l-avveniment, Dr Abela kellha l-opportunità titkellem ma’ bosta organizzazzjonijiet u fondazzjonijiet li qegħdin joffru alternattivi għall-isfidi globali tal-lum il-ġurnata. Lydia Abela ltqagħet ukoll man-nisa ta’ mexxejja dinjija oħra, fosthom il-mara tal-President tal-Paragwaj, Silvana Lopez Moreira Bo.
Ritratt: OPM