L-iżvilupp teknoloġiku u diġitali huwa ċentrali fit-tranżizzjoni ekonomika lejn iktar kwalità, li għaddej minnha pajjiżna. Negozji li jħaddnu dan il-prinċipju se jsibu lill-Gvern jinċentivahom u jappoġġjahom biex pajjiżna jibqa’ fuq quddiem fil-ħolqien ta’ karrieri ta’ kwalità.
Għadda dan il-messaġġ, il-Prim Ministru Robert Abela waqt li żar l-ewwel edizzjoni tat-TECHXPO, li qed issir fl-MFCC f’Ta’ Qali.
Kumpaniji internazzjonali bħal Baxter, Toly, ST Microelectronics, Methode u oħrajn huma parteċipi f’din l-expo.
Dr Abela tenna li huwa ta’ sodisfazzjon li tant kumpaniji li jinsabu f’Malta u li jagħmlu komponenti varji għal tant ditti magħrufa madwar id-dinja, jinsabu taħt saqaf wieħed.
Il-Prim Ministru sostna li dan huwa s-suċċess ekonomiku tagħna, iżda iktar minn hekk huwa settur fejn Malta se tkompli tikber għax kienet innovattiva, u fuq quddiem nett bl-inizjattivi li ħadet inkluż fis-settur tal-Intelliġenza Artifiċjali.
Intqal li fl-aħħar għaxar snin, l-ekonomija ta’ pajjiżna għamlet passi kbar ’il quddiem u llum pajjiżna huwa fost dawk li jirreġistraw l-ikbar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea.
F’din iż-żjara, il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri spjega li filwaqt li għaddejja din l-expo f’pajjiżna, se jiltaqgħu ministri tad-disa’ pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Unjoni Ewropea għal-laqgħa tal-MED 9 fuq l-Intelliġenza Artifiċjali.
Din se ssegwi l-laqgħat Ministerjali dwar l-Enerġija u l-Affarijiet Barranin. Dawn il-laqgħat imsemmija qed isiru bi preparazzjoni għal-laqgħa tal-mexxejja tal-MED 9, li se ssir fid-29 ta’ Settembru li ġej.