L-Iżrael beda jnaqqas ir-restrizzjonijiet tal-lockdown fil-pajjiż wara li studji wrew li l-vaċċin tal-Pfizer huwa 98.9% effettiv u qed jipprevjeni milli persuni jiddaħħlu l-isptar b’deni għoli u qtugħ ta’ nifs jew jitilfu ħajjithom.
Infatti mill-Ħadd diversi stabbilimenti, libreriji u mużewijiet setgħu jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom u jsegwu l-miżuri tad-distanza soċjali u l-użu tal-maskra.
L-ajruport ser jibqa’ magħluq għal ġimgħatejn oħra.
Numru ta’ faċilitajiet oħra bħal gyms, lukandi u s-sinagogi mistennija wkoll jiftħu l-bibien tagħhom fiż-żmien li ġej iżda sabiex wieħed jidħol irid jipprovdi l-passaport l-aħdar, li hija app offruta mill-ministeru tas-saħħa tal-pajjiż u hija valida għal sitt xhur wara li tingħata t-tieni doża.
Il-Ministru tas-Saħħa Iżrajelit tenna li din hija l-ewwel pass lejn in-normalità.
L-Iżrael għandu l-ogħla rata ta’ tilqim fid-dinja fejn aktar minn 49% tal-popolazzjoni diġà rċievew minn tal-inqas l-ewwel doża.
Il-pajjiż kien daħal fit-tielet lockdown tiegħu jumejn wara l-Milied li għadda wara li kien hemm żieda fit-tixrid tal-virus.