L-Iżrael qed jevalwa kull possibiltà sabiex jitwaqqfu l-attakki, iżda fl-istess waqt il-militar Iżraeljan qed jipprepara għal kull eventwalità f’każ li jkun hemm bżonn ta’ aktar attakki fil-jiem li ġejjin.
Dan sostnih sors fil-militar, li qal ukoll li qed jaraw meta huwa l-mument opportun sabiex jieqaf il-ġlied mal-Palestinjani.
L-Iżrael qal li qed jara jekk permezz tal-attakki li saru fl-aħħar jiem innewtraliżax il-qawwa tal-Hamas.
Intant, il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu, waqt li kien qed jindirizza lill-midja internazzjonali, qal li hemm żewġ modi kif titratta l-Hamas; li tieħu l-kontroll tagħhom jew twaqqafhom.
Netanyahu qal li bħalissa qed jaħdmu biex iwaqqfu lil Hamas milli jkomplu jattakkaw, iżda mhu qed jeskludi xejn.