L-Iżrael mistenni jipprojbixxi persuni barranin milli jidħlu fil-pajjiż għal ġimagħtejn sħaħ u mistenni jissorvelja l-andament tal-varjant il-ġdid Omicron fil-pajjiż sabiex iwaqqaf it-tixrid tiegħu.
Huwa mifhum li din il-miżura ser tidħol fis-seħħ il-Ħadd mat-tokki ta’ nofsillejl wara li ġiet approvata mill-kabinett kollu.
Apparti hekk, il-Gvern Iżraeljan ser jimponi kwarantina mandatorja ta’ tlett ijiem għal ċittadini mlaqqma u kwarantina twila sebat ijiem għal dawk iċ-ċittadini li ma tlaqqmux.
S’issa l-Iżrael ikkonferma każ wieħed tal-varjant Omicron li ġie identifikat għall-ewwel darba fl-Afrika t’Isfel aktar kmieni dan ix-xahar.
B’reazzjoni għal din l-iskoperta, bosta pajjiżi imponew projbizzjoni fuq vjaġġar minn u lejn l-Afrika t’Isfel u pajjiżi ġara tagħha.