L-Iżrael qal li l-komunità internazzjonali għandha jkollha tħassib serju dwar il-President elett ġdid tal-Iran Ebrahim Raisi.
Kelliem għall-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Iżraeljan qal li Raisi huwa l-aktar President Iranjan estremist s’issa, u mhux eskluż illi l-Kap il-ġdid iżid l-attivitajiet nukleari tal-Iran.
Ebrahim Raisi lbieraħ ġie ddikjarat rebbieħ fl-elezzjoni presidenzjali f’tellieqa li kienet tidher li qed tifavurixxih. Raisi se jkun inawgurat bħala l-President tal-Iran f’Awwissu li ġej.
Fl-ewwel reazzjoni tiegħu wara r-rebħa, Raisi wiegħed li se jsaħħaħ il-fiduċja tal-pubbliku fil-Gvern Iranjan u li se jkun mexxej għan-nazzjon kollu.