Il-militar Iżraeljan qal li fetaħ attakk mill-ajru fuq il-Hamas fl-Istrixxa ta’ Gaża, jum wara li rokits sparati minn Gaża niżlu fil-Baħar Mediterran.
Huma qalu li l-attakki li saru tard is-Sibt filgħaxija laqtu faċilità li timmanifattura r-rokits, kif ukoll post militari mmexxi mill-Hamas li jintuża għall-attività terroristika.
Fuq Twitter il-Ħadd, il-Militar Iżraeljan qal li filwaqt li s-sema madwar id-dinja nxtegħel minn murtali sbieħ li laqgħu s-sena l-ġdida, fl-Iżrael l-istorja kienet differenti hekk kif ġew sparati rokits terroristiċi f’Gaża.
Għadu mhux ċert jekk ir-rokits sparati minn Gaża lejliet l-ewwel tas-sena kinux intenzjonati lejn l-Iżrael, hekk kif mhux l-ewwel darba li f’Gaża jsiru xi testijiet tal-missili li jiġu sparati lejn il-baħar.
S’issa m’hemm l-ebda rapport ta’ fatalità kawża ta’ dawn l-attakki.
Dan huwa t-tieni inċident li seħħ mindu l-Iżral u l-Hamas qablu li jwaqqfu l-ġlied li dam għaddej 11-il jum f’Mejju li għadda.