Matul is-snin ix-xena forensika għamlet avvanz kbir, inkluż dik f’Malta, b’testijiet fosthom fuq id-DNA jwasslu għal riżultati aktar konklussivi.
Dan l-istazzjon tkellem mal-forensiku Christopher Farrugia li stqarr li f’ġurnata waħda forensiku jagħmel numru mhux ħażin ta’ testijiet tad-DNA.
L-inqas taqtira kapaċi twassal forensiku għall-identifikazzjoni ta’ persuna.
“Illum il-ġurnata nistgħu nidentifikaw dak it-taqtir tad-demm, dik iż-żerriegħa li jista’ jkun hemm f’xi każ ta’ stupru, dak il-bżieq li jista’ jkun hemm, jew inkella xi biċċa ġilda jew xi xagħra allura wieħed jista’ jidentifika ta’ min hu. Għandek l-identifikazzjoni, dik l-evidenza tkun qed tkellmek. Nemmen li bid-DNA għamilna revoluzzjoni sħiħa llum il-ġurnata. Id-DNA qisek għandek il-fingerprint għax hija unika. L-unika darba li mhux unika hija f’każijiet ta’ tewmin identiċi.”
Test tad-DNA huwa t’importanza kbira iżda dan waħdu mhuwiex b’saħħtu.
“Id-DNA waħdu ma jfisser xejn. Inti trid fl-aħħar mill-aħħar tikkumparah ma’ dawk li jistgħu jkunu ta’ madwarhom u hemmhekk joħroġ ir-riżultat konklussiv.”
Fil-fatt, il-forensiku spjegalna li hemm każijiet ta’ persuni li fost oħrajn jitilfu ħajjithom fil-baħar li ma baqgħux identifikati għaliex il-kampjun ma setax jitqabbel ma’ ta’ persuni oħra.
Iżda testijiet fuq id-DNA ma jsirux fuq persuni biss hekk kif l-ikbar ħabib tal-bniedem fuq erba’ saqajn ukoll kapaċi joqgħod għal dan it-test.
“Ikollok każijiet fejn persuna jkun xtara kelb, dawn il-klieb ikunu ta’ razza pura jkunu jiswew ħafna flus u allura jitqabbdu mill-Qorti jew jitqabbdu minn xi parti sabiex wieħed ikun jista’ jagħmel l-analiżi pertinenti fuq il-kelb, ġeneralment jittieħed swab mill-ħalq tal-kelb u hemmhekk toħroġ il-breed kollha tiegħu. Kellna każijiet fejn ħafna persuni ġew ingannati u ħallsu flejjes mingħalihom għal dak li kien ta’ razza pura imma filfatt ma kienx.”
Minkejja l-qawwa tat-test tad-DNA, dan mhuwiex l-unika mezz ta’ identifikazzjoni u hawnhekk il-forensiku semmielna wieħed mill-każijiet li ltaqa’ magħhom matul il-karriera tiegħu u li ħalla impatt fuqu.
“Kien hemm persuna li kien tilef moħħu per eżempju l-Ingilterra u rnexxielna nidentifikawh. Ma rnexxilniex nidentifikawh bid-DNA imma rnexxielna nidentifikawh mill-ħafna tattoos li kellu. Kien każ tal-media u kien qajjem sensazzjoni fi żmienu imma rnexxielna nidentifikaw dik il-persuna, irnexxielna nidentifikaw il-familja tiegħu u meta ġie lura hawn Malta u ħarġet l-istorja, miet ftit wara, imma nafu li għall-inqas miet fejn xtaq imut.”
Christopher Farrugia temm jgħidilna li l-forensiku huwa bieżel dejjem iżda meta jasal tmiem il-ġimgħa, il-festi, u anki x-xhur tas-Sajf, ix-xogħol jiżdied ftit mhux ħażin.