Il-Partit Nazzjonalista qed jisħaq li l-IVF f’pajjiżna hu grazzi għall-Gonzi.
Fil-programm XTRA fuq ix-xandir nazzjonali, il-kandidat Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Peter Agius għamel kważi siegħa jfaħħar dak li għamel il-partit ta’ Bernard Grech meta kien fil-Gvern.
Imbagħad lejn l-aħħar tal-programm iddikjara hekk.
Qal, “Grazzi għall-Gonzi l-IVF.”
Kumment li mal-ewwel ġie dikjarat li kien wieħed insensittiv, li jfakkar fiż-żmien meta kellu jkun Gvern Laburista li jemenda mhux għal darba biss il-liġi tal-IVF biex aktar persuni jkollhom l-ulied u jsiru ġenituri f’pajjiżhom stess.
Il-ġurnalist li kien qed imexxi d-diskussjoni wkoll ċanfar lil Peter Agius wara li stimulat id-diskussjoni dwar l-IVF, il-kandidata f’isem il-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Claudette Abela Baldacchino.
Qal, “Ċertament ma tistax inti hawnhekk tiġi u tgħid li fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista kien hemm xi żvilupp favur l-IVF. Anzi kien hemm kull attentat biex naħseb il-familji u rrispettivament humiex familji Laburisti, Nazzjonalisti, jew sofor jew ħodor, fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista kien diffiċli ħafna biex xi ħadd ikollu l-IVF.”
Il-kandidata Laburista Abela Baldaccino nnutat kif Gvern Nazzjonalista lanqas għodda ma ta għall-koppji biex ikollhom l-ulied bl-IVF.
Qal, “Għal għaxar snin sħaħ Partit Nazzjonalista ma għamel xejn u ħalla l-apparat ta’ Mater Dei jiddeġenera u ma tawx tfal lil koppji li ried ikollhom it-tfal. Qed nitkellem fuq l-IVF.”
Fil-programm Peter Agius ukoll kompla jqarraq fuq fatti oħra dwar kif il-Partit Nazzjonalista ddikjara wkoll permezz ta’ David Agius li jrid jibgħat l-uliedna għall-gwerra.
Agius: “Qalli vera tridu tibgħatu t-tfal tagħna għall-gwerra?”
Attard: “Saqsi lil David Agius.”
Agius: “Għedtlu temminx lil Labour jaħasra.”
Attard: “David Agius qalha, inti smajtha Saviour? Għax b’kull rispett tigdibx.”
Iżda d-dikjarazzjoni tad-Deputat Nazzjonalista David Agius kienet ċara ftit tal-jiem ilu.
Attard: “Taqbel mal-manifest tal-Partit Popolari Ewropew, li bl-aktar mod ċar qed jitlob li, fl-immedjat, ikollna forzi armati Ewropej?”
Agius: “Iva.”
Attard: “X’se tagħmel se tibgħat lil uliedek?”
Agius: “Iva.”
Il-kandidat Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Daniel Attard innota d-differenza bejn ir-rappreżentanti Laburisti favur Malta u dawk Nazzjonalisti li jfittxu l-gwadann politiku personali tagħhom.
Qal, “Jiena nistieden il-kollegi tiegħi llum li jiddikjaraw li huma kontra forzi armati Ewropej u li ma jaqblux mal-aġir ta’ Metsola u li ma jaqblux mal-aġir tagħha fl-Awstrija li keċċiet l-istudenti ’l barra, mhux studenti Laburisti, mhux studenti Maltin, studenti Awstrijaċi keċċiethom ’il barra, intom taqblu magħha?”