L-Awtoritajiet tas-Saħħa Maltin qalu li qegħdin isegwu l-aħħar żviluppi b’rabta mal-COVID-19, u dwar sorveljanza u żamma tal-virus.
Fi stqarrija, il-Ministeru għas-Saħħa qal li fuq rakkomandazzjonijiet taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u Kontroll tal-Mard, l-ittestjar għal COVID-19 se jsir fuq pazjenti li qegħdin isofru minn infezzjoni respiratorja bis-sogħla, deni jew qtugħ ta’ nifs u li kienu f’wieħed mill-pajjiżi fejn hemm trasmissjoni lokali tal-COVID-19 matul l-aħħar 14-il jum.
Dawn il-pajjiżi jew reġjuni huma r-Reġjun tal-Punent Paċifiku, iċ-Ċina (inkluż ir-Reġjun Speċjali Amministrattiv ta’ Hong Kong, ir-Repubblika tal-Korea, il-Ġappun, Singapore, l-Awstralja, il-Malażja, il-Vjetnam. Fir-Reġjun tal-Ewropa ġew inklużi l-Italja, Franza, il-Ġermanja, Spanja, ir-Renju Unit, in-Norveġja, l-Olanda u San Marino.
Ir-Reġjun tax-Xlokk tal-Asja jinkludi t-Tajlandja, ir-Reġjun tal-Lvant tal-Mediterran, l-Iran, l-Emirati Għarab Magħquda, ir-reġjun Amerikan: il-Kanada u l-Istati Uniti tal-Amerka.
Persuni bis-sintomi msemmija hawn fuq u li kienu f’dawn il-pajjiżi fl-aħħar 14-il jum, għandhom iċemplu lit-tabib tagħhom jew il-helpline apposta 21324086.
Il-Ministeru fakkar li dawn il-persuni huma avżati biex ma jżurux kliniċi tat-tobba, iċ-ċentri tas-saħħa u d-dipartiment tal-emerġenza, bħala l-ewwel kuntatt tagħhom.
Ir-rakkomandazzjonijiet biex persuna tagħmel kwarantina lilha nnifisha jibqa’ għal dawk ir-reġjuni u pajjiżi fejn it-trasmissjoni bejn persuna u oħra hija għolja. Dawn huma:
In-naħa ta’ fuq tal-Italja: Lombardija, Piedmont, Veneto u Emilia Romagna
Ċina (li tinkludi ir-Reġjun Speċjali Amministrattiv ta’ Hong Kong)
Singapore
Ġappan
Iran
Il-Korea t’Isfel
Il-pubbliku inġenerali huma mfakkra biex jieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji għall-prevenzjoni ta’ infezzjonijiet respiratorji:
Naddaf: naddaf idejk ta’ spiss billi taħsilhom bl-ilma u sappun jew billi tuża hand rub.
Waqqaf: Waqqaf milli mikrobu jinfirex billi toqgħod id-dar jekk tħossok ma tiflaħx. Tmurx għax-xogħol u tibgħatx lit-tfal l-iskola sakemm jgħaddu s-sintomi. Iżżurx persuni l-isptar jekk tkun ma tiflaħx.
Agħtti: Uża tissue biex tgħatti ħalqek u mnieħrek meta tagħtas jew tisgħol. Tħallix it-tissues użati jiġru. Tagħttix ħalqek u mnieħrek bil-pala ta’ jdejk meta tagħtas jew tisgħol għax tista’ tikkontamina l-affarijiet li tmiss.
Għal iktar informazzjoni, il-pubbliku huwa mħeġġeġ jċempel il-COVID-19 helpline fuq 21324086 jew iżur il-website covid19.gov.mt.