Ġie ffirmat ftehim li, permezz tiegħu, l-Istitut għall-Istudji Turistiċi, l-ITS, u l-Università Internazzjonali ta’ Kobe, li toriġina u topera mill-Ġappun, se joffru kors fl-International Hospitality Management fi grad ta’ Baċellerat.
Dan il-ftehim jippermetti li studenti Ġappuniżi interessati jidħlu għal dan il-programm ta’ studju, iqattgħu l-ewwel sentejn tiegħu jistudjaw f’pajjiżhom u l-aħħar sentejn f’Malta. Il-kurrikulu tal-programm ġie mfassal b’mod metikoluż, bil-għan li jintroduċi tagħlim avvanzat, xogħol ta’ korsijiet komprensivi u taħriġ prattiku.
L-iffirmar bejn iż-żewġ istituzzjonijiet seħħ fil-preżenza tal-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika, Clayton Bartolo, li taħtu jaqa’ l-ITS, u ċ-Chargé d’Affaires tal-Ambaxxata Ġappuniża f’Malta, Tadahiko Yamaguchi.
F’kummenti li tana l-Kap Eżekuttiv tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi, Pierre Fenech, hu semma kif l-entità edukattiva lokali se tkun qed tiftaħ aktar il-bibien tagħha, speċjalment għal dawk l-istudenti li jispeċjalizzaw fl-ospitalità u t-turiżmu, biex jiggradwaw f’Malta.
“Hu dejjem tajjeb li l-istudenti tagħna tal-ITS ikollhom studenti magħhom li huma internazzjonali, għax it-turiżmu hu magħmul minn kulturi differenti. Allura l-fatt li, anke meta qed jistudjaw, qed ikollhom esperjenzi ma’ studenti ta’ kulturi differenti, dak se jittrasmettuh eventwalment meta jmorru jaħdmu fl-industrija tagħna.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-ITS, Pierre Fenech
Ir-rappreżentant mill-Università Internazzjonali ta’ Kobe, il-Professur Dr Shigenori Shimoda, qalilna kif kollaborazzjoni bħal din hi waħda rari u qed jistennew li tkun waħda fit-tul biex tħalli l-frott tagħha kemm għall-istudenti Ġappuniżi kif ukoll dawk Maltin.
“Din hija esperjenza prezzjuża ħafna għall-istudenti fejn anke għall-Università tagħna din il-kollaborazzjoni hi waħda rari ħafna li ssir bejn il-pajjiżi Ewropej u l-pajjiż Ġappuniż. Nittamaw li tkun kollaborazzjoni tajba ħafna kif ukoll esperjenza sabiħa għall-istudenti tagħna, kif ukoll għal Malta u l-Ġappun.”
Il-Professur Shingenori Shimoda
Il-Ministru għat-Turiżmu Malti qal li, bil-ftehim, qed jitkompla x-xogħol fit-titjib tal-livell edukattiv lokali, waqt li jiġu offruti opportunitajiet lill-istudenti Ġappuniżi biex jagħmlu dawn l-esperjenzi ta’ bdil fit-tkattir tal-edukazzjoni tagħhom fil-qasam turistiku.
“Aħna nemmnu li l-edukazzjoni hi ċ-ċavetta għas-suċċess u, għalhekk, irridu noffru aktar opportunitajiet biex anke fil-qasam turistiku nkomplu nilħqu l-livell t’eċċellenza, li hemm bżonn biex verament ikollna turiżmu sostenibbli tal-aqwa servizz għaż-żmien li ġej.”
Il-Ministru Clayton Bartolo