Wara kważi għaxar snin neqsin mill-pubblikazzjonijiet, l-istitut għall-Istudji Turistiċi nieda l-ġurnal Futouristic.
Il-ġurnal li se jkun ippubblikat darbtejn f’sena, se jservi bħala pjattaforma biex jippromwovi x-xogħol ta’ riċerka akkamedika u innovazzjoni li jseħħ fi ħdan l-istitut.
L-editur eżekuttiv ta’ dan il-ġurnal, is-Sur Martin Debattista spjega li dan il-ġurnal se jkopri spettru sħiħ ta’ artikli fuq l-industrija tat-turiżmu u mhux biss l-arti kulinari.
Qal kif, “Qegħdin nippubblikawh mhux bl-istess stil illi jkunu journals akkademiċi oħrajn iġifieri bi stil fejn int għandek ħafna text imma għandek ftit grafika imma huwa bil-kulur, fih ħafna grafika biex b’hekk jappella wkoll għall-għajn.”
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo tenna li din l-inizjattiva hija riflessjoni ta’ kif ir-riċerka u l-innovazzjoni se jkunu l-mutur wara l-ekonomija ta’ pajjiżna.
Spjega, “Qegħdin naraw li ngħollu l-livell tal-prodott ta’ pajjiżna u hemmhekk nemmen li l-ITS se tkun qed tilgħab irwol importanti ħafna sabiex b’hekk ikollna studenti u għalhekk staff eventwali fil-qasam tat-turiżmu illi jkunu tajbin ħafna biex it-turist li jiġi jkollu esperjenza ta’ kwalità f’pajjiżna.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-ITS Pierre Fenech flimkien maċ-chairman Carlo Micallef ħabbru li fil-ġimgħat li ġejjin se tkun qed titnieda strateġija li tħaddan r-riċerka u l-innovazzjoni bħalma jagħmel dan l-istess ktejjeb.
Qal, “Waħda mill-pilastri ewlenin tal-istrateġija li ħa nkunu qed inħabbru fil-ġimgħat li ġejjin hija r-riċerka, il-kreattività u l-innovazzjoni. Dan il-magazine li ppubblikajna llum li huwa available ukoll online huwa l-kulminazzjoni ta’ dan kollu.”
Bħalissa fi ħdan l-istitut għaddejja riċerka sabiex jiġi determinat l-impatt tal-pandemija fuq l-industrija tat-turiżmu biex imbagħad tkun ippubblikata fil-ġurnal li jmiss.