L-ITS, permezz ta’ ftehim ta’ koperazzjoni mal-Online Live Casino Academy, se tibda toffri korsijiet għal croupier u online live dealers kemm part time u kif ukoll full time minn Mejju li ġej.
Fil-preżenza tal-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis u l-Ministru għall-Kompetittivita u Ekonomija Diġitali ż-żewġ istituzzjonijiet iffirmaw il-ftehim li se jservi ta’ bieb għall-korsijiet oħra li l-ITS lesta li tipprovdi fix-xhur li ġejjin marbuta mal-gaming.
Korsijiet li mhux biss iwasslu għal riżors uman imħarreġ kif mitlub mill-kumpaniji barranin li qed jistabbilixxu rwieħhom f’pajjiżna, iżda li jkun rikonoxxut ukoll mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla.
Il-Ministru Mallia ddeskriva dan il-pass bħala ‘milestone’ għaliex issa s-settur qed jiffoka wkoll fuq l-online casinos u mhux biss il-casinos lokali. Huwa stqarr li l-gvern, b’ inizjattiva wara oħra, qed juri b’ mod konsistenti, l-impenn li għandu biex jipprovdi l-infrastruttura, l-edukazzjoni u r-riżors uman mitlub mill-kumpaniji tal-gaming.
Filwaqt li l-Ministru Zammit Lewis fisser kif il-gaming huwa qasam ieħor li qed isaħħaħ il-prodott turistiku Malti u għaldaqstant jeħtieġ li bħal ma jsir f’ oqsma oħra turistiċi, l-ħaddiema jkunu mħarrġa biex joffru servizz ta’ kwalita għoli.
Id-direttur Eżekuttiv tal-ITS, Pierre Fenech fisser kif dan huwa l-ewwel pass tal-Istitut tal-Istudji Turistiċi biex, b’ġebla waħda jolqot żewġ għasafar, cioe li jħajjar iktar persuni jitħarrġu fil-qasam tal-gaming u fl-istess ħin jespandi l-oqsma ta’ taħriġ offruti.