Ser tkun introdotta skola ta’ taħriġ fi ħdan l-Istitut għall-Istudji Turistiċi, li tindirizza n-nuqqasijiet ta’ ħiliet fl-industrija lokali u internazzjonali.
Din l-iskola ser tipprovdi programmi ta’ taħriġ innovattivi u ta’ kwalità għolja, li jtejbu l-ħiliet tal-ħaddiema u l-kwalità tas-servizz.
Din l-iskola ser toffri programmi ta’ taħriġ lest, kif ukoll taħriġ personalizzat li jista’ jiġi adattat biex jilħaq il-ħtiġijiet tal-kumpaniji. Se jkun hemm enfasi fuq korsijiet ta’ kwalità, aġġornati u rilevanti. L-iskola se tindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi tal-klijenti tagħha u se taħdem bi skeda ta’ taħriġ flessibbli.
Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, li qal li s-settur turistiku lokali jeħtieġ ikompli jirriforma ruħu permezz ta’ iżjed edukazzjoni u taħriġ.
“Ir-riżors uman huwa aspett fundamentali fil-qasam turistiku. Fl-isfond tax-xenarju dinji li qegħdin ngħixu llum jeħtieġ li nkomplu ntejbu u nsaħħu s-servizz li noffru lit-turisti li jiġu jżuruna. Il-komunikazzjoni bażika u l-etika fil-komunità turistika kapaċi jkunu fattur determinanti f’esperjenza pożittiva jew negattiva ta’ kwalunkwe viżitatur. Għaldaqstant Malta trid tkompli ġġedded il-prodott turistiku biex tibqa’ kompetittiva għaż-żmien li ġej,” temm jgħid il-Ministru Clayton Bartolo.
Ritratt ewlieni: Getty Images