L-Istitut għall-Istudji Turistiċi, l-ITS ħareġ bi strateġija għal pjan t’azzjoni għall-ħames snin li ġejjin biex pajjiżna jkun ċentru t’eċċellenza għat-turiżmu.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet fil-bini tal-ITS fejn fl-aħħar ħames snin ra mal-ħames mitt student jiggradwa.
Iċ-Chairman tal-ITS Carlo Micallef qal illi t-turiżmu huwa mibni fuq ir-riżors uman, u għalhekk l-investiment fl-istitut edukattiv ikun ifisser investiment fis-settur turistiku wkoll.
Is-Sur Micallef qal, “Mil-lum ‘il quddiem qegħdin naraw illi b’din l-istrateġija tagħna nimmiraw iżjed għal turiżmu t’eċċellenza u turiżmu ta’ kwalità aħjar. Biex tibda twassal dan il-livell ta’ servizz, aħna rridu nkomplu ngħollu l-livell tas-servizz li noffru.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-ITS Pierre Fenech qal illi fiż-żmien li ġej is-settur turistiku madwar id-dinja se jkun kompettitiv u għalhekk l-istitut qed jipprepara biex anke pajjiżna joffri prodott turistiku tal-ogħla livell.
Is-Sur Fenech stqarr: “Aħna ninvestu fl-innovazzjoni u fil-kreattività u din nistgħu nagħmluha biss billi aħna ninvestu aktar flus fir-riċerka, noffru opportunitajiet liż-żgħażagħ tagħna illi jistgħu mhux biss imorru jaħdmu imma wkoll huma stess joħolqu business concept ġodda biex is-settur tat-turiżmu joffri dejjem prodott aħjar milli kien joffri qabel.”
Fl-indirizz tiegħu il-Ministru Għat-Turiżmu Clatyon Bartolo semma kif parti minn din l-istrateġija se tinkludi illi l-ITS jibda jaħdem minn kampus ġdid u għalhekk se jkun qed ifisser kapitlu ġdid għall-istitut kif ukoll għall-ospitalità ta’ pajjiżna.