Fi tmiem il-ġimgħa li ġej, in-Nofsinhar tal-Italja mistenni jesperjenza temperaturi għoljin ta’ aktar minn erbgħin grad Celsius, li jfisser li l-jiem li ġejjin aktarx ikunu l-aktar sħan ta’ dan is-sajf għall-pajjiż ġar tagħna.
Fil-gżejjer ta’ Sardenja u Sqallija, l-ogħla temperaturi mistennija saħansitra jilħqu t-tlieta u erbgħin grad Celsius.
Anki fiċ-ċentru u n-naħa ta’ fuq tal-pajjiż, it-temperaturi mhux se joffru l-ebda ħniena tant li huma mbassrin li se jkunu bejn id-disgħa u tletin u l-erbgħin grad Celsius.
Bassara meteoroloġiċi jantiċipaw li t-temp f’dawn il-jiem se jkun akkumpanjat ukoll b’umdità għolja, waqt li wissew biex wieħed jieħu ħsieb gruppi vulnerabbli, bħal anzjani u tfal żgħar, u jiġu evitat l-agħar ħinijiet tax-xemx.
Minbarra l-Italja, anke Spanja mistennija tesperjenza ġimgħa ta’ temp estrem, bit-termometru jaqbeż l-erbgħin grad Celsius, partikolarment fin-Nofsinhar u ċ-ċentru tal-pajjiż.
F’ċerti bliet Spanjoli diġà hemm twissja oranġjo dwar is-sħana estrema.
Anke f’Malta, it-temp fil-jiem li ġejjin mistenni jkun mill-iktar sħun. Dan hekk kif bejn il-Ġimgħa u l-Ħadd, it-temperaturi se titla’ bejn is-sitta u tletin u s-sebgħa u tletin grad Celsius. It-Tnejn, imbagħad, għandna nesperjenzaw sħana fil-livell ta’ erbgħin grad Celsius.