Ċifri ppubblikat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li, bejn Lulju u Settembru li għadda, siefru minn Malta lejn pajjiżi oħrajn xejn inqas minn 180,864 ruħ, li bejniethom qattgħu barra minn Malta 1,343,223 lejl.
Dawn l-aħħar figuri jkomplu jindikaw l-irkupru li qed iseħħ fil-qasam turistiku wara l-pandemija, kemm f’dak ’il ġewwa kif ukoll dak ’il barra. Filwaqt li l-għadd ta’ nies li siefru minn Malta ’l barra bejn Lulju u Settembru tal-2020 – l-eqqel sena tal-pandemija – kien 51,855, u fl-istess perjodu tal-2021 kien 122,163.
Ħafna minn dawk li vjaġġaw minn Malta bejn Lulju u Settembru ta’ din is-sena, ċjoe 44 fil-mija, kellhom bejn l-24 u l-44 sena. Warajhom, siefru l-aktar dawk bejn il-45 u l-64 sena – kważi 28 fil-mija.
Xejn inqas minn 37 fil-mija ta’ dawk li siefru marru l-Italja. Wara l-Italja, l-aktar destinazzajonijiet popolari kienu r-Renju Unit u Franza.
Dawk li għażlu u joqogħdu f’postijiet tal-kiri kienu 56 fil-mija. L-għadd medju ta’ ljieli mqatta’ barra minn xtutna kien 7.4 ljieli, filwaqt li l-ispiża medja kienet €935 kull persuna.