Mil-lum l-Italja reġgħet tinsab taħt lockdown ieħor, bil-ħwienet, ristoranti, mużewijiet u l-iskejjel jinsabu magħluqa.
Dan il-lockdown mistenni jibqa’ fis-seħħ sas-6 ta’ April li ġej u n-nies jistgħu joħorġu minn djarhom għal raġunijiet ta’ xogħol, saħħa jew emerġenza biss.
Il-Ministru tas-Saħħa Taljan Roberto Speranza tenna li l-Gvern jittama li dawn il-miżuri l-ġodda flimkien mal-programm tal-vaċċinazzjoni jwassal għal jiem aħjar biex ir-restrizzjonijiet eventwalment jitneħħew.
Nhar il-Ġimgħa li għadda l-Gvern Taljan tal-Prim Ministru Mario Draghi kien ħabbar lockdown nazzjonali fid-dawl ta’ żieda ta’ ħmistax fil-mija fir-rata tal-infezzjonijiet li esperjenzat l-Italja fl-aħħar ġimgħat.
Is-Sibt li għadda, l-Italja rreġistrat aktar minn 22,000 każ tal-Covid-19, id-doppju ta’ dak li kienet tirreġista sa’nofs Frar li għadda.