L-Italja tat l-approvazzjoni tagħha biex jiġi żviluppat it-tieni interconnector ma’ pajjiżna, hekk kif inħareġ il-permess mill-Ministeru għall-Ambjent u s-Sigurtà tal-Enerġija Taljan. Dan se jippermetti lil Malta biex tiżviluppa t-tieni interconnector fit-territorju Taljan.
Il-proġett tat-tieni interconnector jinkludi cable tal-elettriku ta’ 122 kilometru li jaħdem b’vultaġġ għoli ta 220 kilo volts. Il-proġett jinkludi sezzjoni ta’ cable sottomarin b’tul ta’ 99 kilometru.
It-tieni interconnector ta’ pajjiżna qed jiġi kofinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali 2021-2027, wara li ġie kklassifikat bħala operazzjoni ta’ importanza strateġika.
Il-finanzjament jammonta għal €165 miljun u se jkopri aktar minn nofs l-ispejjeż totali tal-investiment li huma stmati li jlaħħqu t- €300 miljun.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli laqgħet dan il-pass importanti fit-triq li se twassal biex il-proġett jitwettaq sas-sena d-dieħla.
“Qed naħdmu qagħtih biex inwasslu l-proġetti li jagħmlu parti integrali mill-viżjoni tagħna għall-enerġija. Qed ninforzaw l-infrastruttura tad-distribuzzjoni tagħna, qed nagħtu l-opportunità biex il-grid ikun jiflaħ għall-espansjoni tal-enerġija rinnovabbli u qegħdin fit-triq biex inwasslu t-tieni l-interconnector. Dan mhux biss itejjeb is-sigurtà tal-provvista tagħna, iżda wkoll isaħħaħ il-konnessjoni tagħna mal-Ewropa kontinentali biex jippermetti aktar enerġija rinnovabbli,” qalet Dr Dalli.
Dan kien l-aħħar pass fil-proċess ta’ dan l-iżvilupp wara li wkoll intemm b’suċċess il-proċess ta’ konsultazzjoni mal-partijiet interessati u r-reġjun Sqalli ta l-approvazzjoni tiegħu għall-proġett.
Issa, bħala parti mill-proċess tal-permess Taljan, l-entità Interconnect Malta, ICM, kisbet il-permessi ta’ żvilupp f’Malta u għaddejja wkoll bil-proċessi tat-tenders u għoti ta’ kuntratti għall-inġinerija, l-akkwist u l-kostruzzjoni.
Minbarra dan, Interconnect Malta qed taħdem ukoll fuq is-sistemi ta’ ħażna tal-enerġija tal-batteriji u qed timmaniġġja l-proċessi għall-proġett tal-wind farm f’wiċċ il-baħar mat-12-il mil nawtiku lil hinn mill-kosta.