L-Italja se tibni żewġ ċentri fl-Albanija biex jospitaw għexieren ta’ eluf ta’ migranti illegali.
Dan ħabbritu l-Prim Ministru tal-Italja, Giorgia Meloni f’konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Prim Ministru Albaniż Edi Rama f’Ruma.
Hija qalet li ċ-ċentri, li mistennija jiftħu tul l-istaġun tar-rebbiegħa li jmiss, se jkunu jifilħu sa 36,000 migrant kull sena.
Għal dan il-pjan se jkunu eliġibbli migranti li jiġu salvati fil-baħar minn dgħajjes Taljani, u mhux għall-migranti li jaslu mal-kosta Taljana.
Dawn il-migranti se joqogħdu fiċ-ċentri sakemm l-Italja teżamina t-talbiet ta’ ażil tagħhom, u l-pjan ma jgħoddx għal nisa tqal, tfal jew nies vulnerabbli.
L-istrutturi se jinbnew bi spiża għall-Italja, u se jkunu jistgħu jakkomodaw tlett elef ruħ kull xahar sakemm jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet tal-ażil.
Iċ-ċentri se jinbnew fil-port ta’ Shengjin u fiż-żona ta’ Gjader fl-Albanija, u kemm l-uffiċjali tas-sigurtà u anki l-Pulizija se jkunu pprovduti mill-Albanija.
Meloni qalet li minkejja li l-Albanija mhux stat membru tal-Unjoni Ewropea, qed jaġixxi ta’ wieħed, u tenniet l-appoġġ tagħha biex dan il-pajjiż jidħol fl-Unjoni Ewropea.