Theżżiża li seħħet 150km Lvant tal-kosta Maltija nqabdet mill-apparat tal-Universitá ta’ Malta. Din it-theżżiża kejlet 4.5 fuq l-iskala Richter.
Aktar kmieni dalgħodu, Terremot qawwi heżżeż Norcia fiċ-ċentru tal-Italja, u qered diversi binjiet. It-theżżiżiet seħħew kważi xahrejn wara li terremot kbir ħasad il-ħajja ta’ tlett mitt persuna u qered diversi bliet.
It-terremot tal-Ħadd kejjel 6.6 fuq l-iskala Richter, u huwa iktar qawwi mit-terremot t’ Awwissu u l-aftershocks li seħħew il-gimgħa l-oħra.
Qed ikun maħsub li dan huwa l-iktar wieħed b’saħħtu f’dawn l-aħħar snin. Ħafna mir-residenti kienu evakwati wara t-theżżiżiet tal-ġimgħa l-oħra.
Il-Ħadd filgħodu, it-theżżiżiet inħassew fil-kapitali Ruma u anke minn Venezja. It-terremot seħħ f’fond ta’ kilometru u nofs biss.
Minn tal-inqas disa’ persuni sfaw midruba iżda fortunatament s’issa ma kien hemm l-ebda rapport ta’ persuni li tilfu ħajjithom. Bosta individwi li kienu qed jgħixu fiż-żoni milquta telqu mil-lokal tagħhom wara terremoti li seħħew il-ġimgħa l-oħra. Kmamar tal-aħbarijiet Taljana qed jirrapportaw kif s’issa disa’ persuni ġew salvati minn taħt it-tifrik.