Il-President Taljan Sergio Mattarella talab lill-ekonomista Carlo Cottarelli biex jifforma Gvern ġdid.
Fil-Palazz Presidenzjali fil-kapitali Taljana, Cottarelli qal li bħal ta’ qablu ntalab jippreżenta programm ta’ Gvern ġdid, u f’każ ta’ nuqqas ta’ fiduċja, se jieħu ħsieb biss l-amministrazzjoni tal-pajjiż sakemm issir elezzjoni oħra fix-xhur li ġejjin.
Bħala ekonomista qal li jifhem li s-sitwazzjoni preżenti qed toħloq tensjoni fis-suq finanzjarju. Għaldaqstant Gvern immexxi minnu se jkompli jżomm in-nefqa tal-pajjiż taħt kontroll.
Dan l-iżvilupp seħħ wara li l-Ħadd filgħaxija, il-Professur tal-Liġi Giuseppe Conte, jiem biss wara li ġie magħżul biex isir Prim Ministru, kellu jwarrab mix-xena politika għax ma rnexxielux jifforma Gvern.
Il-President Taljan Sergio Mattarella qal li pprova jagħmel minn kollox biex joħloq gvern politiku izda ma qabilx mal-għażla tal-ekonomista Paolo Savona bħala Ministru tal-Finanzi, u qal li ma setax jappoġġja lil xi ħadd li kien qal li jrid lill-Italja toħroġ miż-żona Ewro – b’referenza għal kummenti ewroxettiċi li kien għadda fil-passat Savona.
Qal li wara li ma aċċettahx, il-Prim Ministru magħżul tefa’ r-riżenja tiegħu.
Qal li ħa din id-deċiżjoni biex ma jitqajjimx allarm fost l-investituri Taljani u internazzjonali li nvestew fl-Italja.
Bħalissa l-Italja tinsab fi kriżi politika hekk kif il-pajjiż ilu mingħajr Gvern sa mill-elezzjonijiet tal-erbgħa ta’ Marzu meta dakinhar l-ebda partit politiku ma kiseb maġġoranza.
Min-naħa tiegħu, il-mexxej tal-ikbar partit politiku fl-Italja l-Moviment Cinque Stelle, Luigi Di Maio, sejjaħ din id-deċiżjoni bħala waħda inaċċettabbli u qal li l-President Taljan ikkawża kriżi istituzzjonali.