Il-President Taljan Sergio Mattarella kkonferma li l-Italja se tkompli għaddejja bil-proġett tal-pipe line tal-gass mal-Ażerbajġan. Dan il-proġett li jgħaqqad lill-Ażerbajġan ma’ Puglia fl-Italja qiegħed isir bi sħab mal-kumpanija statali tal-Enerġija is-SOCAR.
L-aħbar ġiet ikkonfermata matul iż-żjara li l-President tar-Repubblika Taljana Sergio Mattarella għamel fl-Ażerbarjġan u li matulha kellu laqgħat twal mal-President tal-Ażerbajġan Ilham Aliyev.
Matul iż-żjara fl-Ażerbajġan, il-President Taljan, assigura lill-Ażerbajġan li l-pipeline tal-gass se jsir fiż-żmien maqbul u se jibda jopera fi żmien sentejn.
Dan minħabba l-fatt li s-sena d-dieħla jiġu fi tmiemhom tliet ftehimiet importanti li l-Italja għandha dwar l-Enerġija mar-Russja, il-Libja u l-Alġerija.
Il-President Taljan flimkien mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Taljan ikkonfermaw dan wara sensiela ta’ laqgħat li kellhom mal-awtoritajiet tal-Ażerbajġan li diġà investew b’saħħa f’dan il-proġett li mill-Balkani għandu jwassal il-gass fid-djar Taljani.
Il-Gvern Taljan sostna li dan il-proġett mhux biss huwa importanti għax se jiddiversifika s-sorsi ta’ enerġija fl-Italja, iżda fuq kollox għax il-gass huwa aktar nadif miż-żejt.
Fil-fatt il-proġett se jwassal fl-Italja il-gass naturali, l-istess tip ta’ enerġija li biha bdew jaħdmu l-power stations f’Malta wara li l-Gvern waqqaf l-użu tal-heavy fuel oil. Dan wara li l-Gvern, permezz tal-Electrogass investa f’power sation ġdida li taħdem bil-gass.
Proġett li skont l-Oppożizzjoni Nazzjonalista kien farsa mill-bidu sal-aħħar u li kien qiegħed jaqa’ biċċiet.
Sadanittant matul iż-żjara tiegħu fl-Ażerbajġan, il-President tal-Italja Sergio Mattarella flimkien mal-President Aliyev inawguraw impjant mibni mis-SOCAR li wkoll sfat fil-mira tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista.
Fl-inawgurazzjoni ta’ dan l-impjant li se jiġġenera bejn 10 u 11-il biljun dollaru Amerikan, il-President Taljan fisser dan il-proġett bħala importanti ħafna. Qal li dan jixhed ir-relazzjoni b’saħħitha bejn l-Italja u l-Ażerbajġan. Huwa rringrazzja lis-SOCAR talli għamlu dan il-proġett possibbli u tenna li dan huwa simbolu ta’ ħbiberija sinċiera bejn iż-żewġ pajjiżi.