L-Isvizzera rebħet is-68 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest, li din is-sena sar f’Malmö, l-Isvezja.
Il-kantant Nemo, fl-età ta’ 24 sena, permezz tal-kanzunetta ‘The Code’, irnexxielu jġib 591, punt biex għolla it-trofew ta’ dan l-akbar avveniment mużikali fl-Ewropa, li ta’ kull sena jkun segwit minn miljuni ta’ nies.
Ġie nnutat ukoll kif il-kantant Svizzeru huwa l-ewwel rebbieħ fl-istorja tal-Eurovision li jidentifika bħala non-binary.
Fit-tieni post u bl-aktar voti mill-pubbliku ġiet il-Kroazja.
Segwew imbagħad, l-Ukrajna, Franza u Iżrael.
Bosta siti internazzjonali rrappurtaw it-tensjoni li kien hemm għall-fatt li din is-sena tħalla jieħu sehem Iżrael, wara l-attakk li l-militar Iżraeljan qed iwettaq fuq il-Palestinjani f’Gaza.
Ir-Russja sa din is-sena stess kienet sospiża milli tipparteċipa.
Malta din is-sena kienet irrappreżentata mill-kantanta Għawdxija Sarah Bonnici permezz tal-kanzunetta ‘Loop’, iżda minkejja l-prestazzjoni mill-isbaħ li tat fit-tieni semi finali ta’ din il-kompetizzjoni nhar il-Ħamis li għadda, ma rnexxilniex nagħmluha għall-finali tal-bieraħ.
Mill-Belt Valletta, il-punti ta’ Malta qrahom il-kantant Matt Blaxck li kien ġie t-tieni post fil-Eurovision ta’ Malta. Huwa uża l-lingwa Maltija sabiex ħabbar it-12-il punt ta’ Malta.