Il-bord tal-Matsec fi ħdan l-Università ta’ Malta se jirrikunsidra l-proposta tal-istudju ta’ lingwa barranija f’livell post-sekondarju.
F’konferenza tal-aħbarijiet li fiha ngħata rendikont ta’ x’ħareġ mill-konsultazzjoni pubblika dwar ir-riformi fl-eżamijiet tal-matrikola, iċ-chairperson tal-Bord tal-Matsec, il-Professur Frank Ventura saħaq li minkejja t-talba għar-rikundisdrazzjoni għall-prinċipju wieħed, hemm qbil wiesa’ fuq it-tliet prinċipji l-oħra.
Ventura stqarr li “Tlieta minnhom ġew aċċettati minn 80% tar-respondents li bdew jgħidu iva naqblu ma’ dawk l-affarijiet. Ovvjament ikun hemm min jaqbilx għal raġuni jew oħra. L-iktar ħaġa li ma qablux fuqha kif ġiet proposta tal-foreign language. Issa dik il-proposta, l-ewwel nett se jġiegħlna naħsbu dwar kif se ndaħħluha. Huwa sewwa li jidħol il-foreign language imma forsi mhux il-mod kif ġiet proposta.”
Il-Professur Ventura qal li jeżisti qbil dwar ir-riforma proposta fis-suġġett tas-Systems of Knowledge.
Fil-fatt hawn qed jiġi propost li s-suġġett jiġi assessjat b’eżami filwaqt li t-tema tal-komunikazzjoni se titkejjel b’assessjar informali matul is-sena akkademika.
Hawnhekk ukoll il-proġett li l-istudent kien jiġi eżaminat għalih f’dan is-suġġett qed jiġi propost li jitneħħa.
Prinċipju ieħor maqbul minn 80% ta’ dawk li interessahom jagħtu fehemthom dwar ir-riforma huwa dwar l-atleti li jibbrillaw.
Dan hekk kif dawn mistennija jiġu rikonoxxuti għall-isforzi u t-talenti tagħhom billi flok jistudjaw sitt suġġetti se jistudjaw ħames suġġetti u d-dixxiplina sportiva li jipprattikaw titqies bħala s-sitt suġġett f’livell intermedju.
It-tielet prinċipju maqbul huwa li l-attivitajiet extra-kurrikulari jkunu rikonoxxuti wkoll.
Il-Professur Ventura spjega ma’ ONE News it-triq ‘il quddiem.
“Hemm xi affarijiet li forsi jistgħu jidħlu in the short run u dik irridu naraw x’se naħdmu fuqha imma mbagħad il-foreign languages irridu naraw iktar possibiltajiet, opportunitajiet jew inkella alternattivi kif nistgħu naħdmu fuqha”, temm jgħid Ventura.