Waslu fl-aħħar stadju l-istudji fuq il-knisja l-qadima ta’ Birkirkara b’investiment ta’ €104,000, li minnhom €84,000 ġejjin mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.
Dawn it-testijiet u studji għandhom jiddeterminaw xi ħsarat strutturali hemm f’din il-knisja.
Waqt żjara mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett f’dan il-monument nazzjonali tal-ewwel grad.
Il-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Marija li nbniet fl-1617, għandha problemi strutturali kkawżati minn pedamenti msejsa fuq saffi ġeoloġiċi differenti li kkawżaw ħsarat konsiderevoli tul is-snin.
Minkejja x-xogħlijiet ta’ restawr li saru madwar 20 sena ilu, diversi xquq huma viżibbli mill-ġdid fl-istruttura u hemm indikazzjonijiet qawwija li dawn qed jiżviluppaw aktar.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li “mill-programmi l-ġodda ta’ fondi Ewropej se naraw li nkomplu naħdmu flimkien mal-Kurja bil-għan li jsiru aktar proġetti ta’ restawr biex nkomplu nibżgħu għall-patrimonju kulturali tagħna.”
Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross, qal li b’riżultat ta’ dan l-istudju tekniku, qiegħed jitfassal mudell 3D tal-knisja l-qadima ta’ Birkirkara, biex jifhmu aħjar f’liema partijiet tagħha hemm bżonn isaħħu.
Il-Kappillan Dun Reuben Deguara qal li dawn l-istudji huma l-bażi ta’ restawr estensiv li jrid isir permezz ta’ operazzjoni kumplikata u delikata ħafna, peress li l-istruttura hija ta’ valur storiku u arkitettoniku kbir.