“Studenta mill-aqwa, dejjem tidħak – agħmlu kuraġġ u għixu kull ġurnata mimlija b’imħabba għax ħadd ma jaf id-destin tagħna.”
Kienu dawn uħud mill-kliem li sawru attivitá fl-ITS li fiha tfakkret il-memorja ta’ Kacey Sciberras – iż-żagħżugħa ta’ 17-il sena li sfortunatament tilfet ħajjitha f’inċident tat-traffiku fis-sigħat bikrin tal-Ħadd filgħodu f’Ħ’Attard.
It-Tnejn waranofsinhar ħafna minn sħab Kacey, li ta’ kuljum kienu jqattgħu ġranet sħaħ magħha waqt il-perkors edukattiv tagħhom, fakkru l-memorja tagħha f’attività mill-isbaħ.
Fl-ITS attendew mhux biss sħabha iżda anke l-amministrazzjoni, l-għalliema u l-ħaddiema tal-Istitut, li ta’ kuljum kienu jiltaqgħu ma’ Kacey. Attendiet ukoll ħabibtha Justine li kienet magħha fil-karozza fil-mument tal-inċident u li fortunatament irnexxielha ssalva mill-impatt tal-karozza.
Numru ta’ għalliema rrakkuntaw l-esperjenza tagħhom ma’ Kacey – Iddeskrivewha bħala studenta eżemplari, dejjem bid-daħka fuq fommha u kienet tieħu l-istudji tagħha bis-serjetà. Oħrajn għażlu li jwasslu kliem ta’ kuraġġ lil sħabha kollha li attendew.
Tkellmu wkoll l-aktar ħbieb li kienu qrib Kacey, li rrakkuntaw l-esperjenzi tagħhom flimkien u l-karatteristiċi mill-isbaħ li sawru lit-tfajla ta’ 17-il sena. Biex jikkumplimenta dan kollu, ġie preparat ukoll filmat bir-ritratti u l-memorji li għandhom sħabha sabiex jiġu mfakkra l-aqwa mumenti li kellhom flimkien.
Minn hemmhekk, l-istudenti kollha mxew lejn il-green area tal-ITS: il-post fejn Kacey l-aktar li kienet tħobb tgħaddi l-ħin liberu tagħha bejn il-lezzjonijiet.
Huma daru wkoll mal-mejda li magħha kienet l-aktar li tpoġġi.
Hemmhekk tpoġġew bukketti tal-fjuri ma’ ritratt mill-isbaħ ta’ Kacey. Ritratt li filwaqt li jfakkar it-telfa ta’ żagħżugħa maħbuba minn bosta jfakkar ukoll fis-sabiħ li tista’ toffri l-ħajja, anke jekk għal żmien qasir.
AQRA WKOLL: