Mill-ewwel ta’ Settembru l-istudenti tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi irritornaw għal Normalità ġdida fl-iskola, fejn madwar mija u tmenin student irritornaw lejn il-klassijiet u l-laboratorji sabiex jagħmlu bejniethom mija u sittin sessjoni prattika fi tliet oqsma ta’ studju. Dan hekk kif dawn kellhom jitwaqqfu fit-tieni semestru tas-sena akkademika preċedenti minħabba l-għeluq tal-istituzzjonijiet edukattivi f’pajjiżna kawża tal-imxija.
Iktar minn ġimagħtejn mill-ftuħ mill-ġdid ta’ din l-istituzzjoni edukattiva, ONE NEWS żar il-kampus tal-ITS f’Ħal Luqa fejn segwa l-istudenti fuq xogħlhom f’ambjent sigur bl-implimentazzjoni ta’ numru ta’ protokolli.
Id-Direttur tal-Akkademja fl-ITS, Glenn Farrugia spjega kif fir-restoranti u l-kċejjen qed jittieħdu prekawzjonijiet addizjonali flimkien mal-protokolli normali kummerċjali li jiġu segwiti f’kull ristorant u ħanut tal-ikel.
Huwa spjega: “Kemm l-istudenti, l-għalliema, l-letturi u l-istaff tekniku jkun sigur, isegwi l-protokolli ġenerali, fosthom id-distanza soċjali, fosthom id-distanza ġewwa l-laboratorji bħal ma huma r-‘restaurants’ u l-kċejjen, li qegħdin isegwu wkoll il-protokolli kummerċjali li kull ‘restaurant’ ieħor qiegħed isegwi.”
Farrugia stqarr li fil-klassijiet ukoll qed jittieħdu sett ta’ prekawzjonijiet sabiex kemm il-letturi u anke l-istudenti jkunu mħarrsa.
Huwa sostna: “Ġewwa l-klassijiet għaliex aħna wkoll għandna element teoretiku ġewwa l-ITS, qiegħdin inżommu distanza ta’ iktar minn metru u nofs hekk kif imsemmi mill-linji gwida, il-maskli, l-ilbies ta’ maskli u iż-żewġ metri bejn il-lettur u l-istudenti, kif ukoll protokolli oħra, linji gwida oħra li l-ITS toħroġ minn żmien għal żmien.”
Huwa spjega wkoll kif fil-bieb qed tkun iċċekjata t-temperatura ta’ kull persuna li tidħol fil-kampus u din tingħatalha ‘sticker’ ta’ kulur partikolari u li jinbidel kuljum. Dan filwaqt li l-klassijiet, r-ristoranti u l-kċejjen qed ikunu mnaddfa u ffumigati ta’ spiss.
Tkellimna wkoll ma’ studenta tal-ewwel sena, Mariah Ruggier, li wkoll stqarret kif hi u sħabha jħossuhom siguri bl-implimentazzjoni tal-protokolli ġodda.
Hija qaltilna: “Aħna qed nimxu mal-miżuri tal-protokols tal-ITS tal-Covid-19 sabiex kemm l-istudenti u l-lecturers u n-nies li jiġu jieklu hawn ikollhom esperjenza mill-aqwa. Aħna peress li drajna diġà nħossuna safe għax nafu li kulħadd qed jagħmel il-parti tiegħu, bil-ħasil tal-idejn, bil-maskli u nżommu s-‘social distancing’.”
L-ITS qed tibdel il-protokolli maż-żmien skond l-esiġenzi u l-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa.