L-istudenti li jtemmu b’suċċess l-istudju tal-Baċċelerat fl-Inġinerija mill-Kulleġġ għax-Xjenza, it-Teknoloġija, u l-Arti, l-MCAST, se jibdew jingħataw il-warrant.
Dan tħabbar mill-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni, Clifton Grima, u mill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo-Azzopardi, waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-binja tal-Istitut tal-Inġinerija u t-Trasport.
“Ħolma li saret realtà.” Hekk iddeskrivew din l-aħbar l-istudenti tal-inġinerija Luke Scerri u Kim Gatt, li indirizzaw il-konferenza.
Luke, li ilu sitt snin jistudja fl-MCAST, qal li l-kurżità dwar kif jaħdmu l-affarijiet wasslitu biex jitħarreġ fl-inġinerija. Qal li issa wasal fi tmiem l-istudju tiegħu u esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li, bil-warrant, jista’ jittimbra l-approvazzjoni tax-xogħol li se jkun qed jagħmel bħala inġinier.
Qal, “Huwa ta’ sodifazzjoni kbir u ferħ li fl-aħħar, wara sitt snin ta’ studju, se nkunu qed niġu rikonoxxuti daqs istituzzjonijiet oħra.”
L-istess ħsieb qasmitu magħna Kim Gatt, li hija fost il-ftit studenti nisa fl-MCAST li qed jistudjaw l-inġinerija. Hija qalet li din kienet aħbar li ilha tistenna biex, għada pitgħada, tibda tiddisinja l-ajruplani.
Qalet, “L-aspirazzjonijiet li nixtieq wara li nlesti u, jekk Alla jrid, inġib il-warrant – kif issa se jkollna – inkompli biex nistudja fuq l-avjazzjoni u nispeċjalizza fuq l-avjazzjoni.”
Il-Prinċipal tal-MCAST, James Calleja, iddeskriva dan il-mument bħala pass għaqli fejn il-perseveranza ta’ numru ta’ nies wasslet biex l-istudenti tal-MCAST jingħataw il-warrant bħal studenti li jitħarrġu f’istituzzjonijiet edukattivi oħra. L-istess sentiment esprimih id-Direttur tal-Istitut tal-Inġinerija u t-Trasport, Stephen Sammut.
Qalet, “Għalina, bħala MCAST, hija, biex ngħidu hekk, sodisfazzjon doppju. Sodisfazzjon għaliex qed naraw ix-xogħol li għamlu l-letturi u li għamilna bħala MCAST qed jieħu l-valur tiegħu u anke għax naraw lill-istudenti tagħna jħossuhom kburin. Għaliex aħna li nagħmlu huwa għall-istudenti tagħna, għax l-istudenti dejjem għandhom post f’qalbna f’dak kollu li nagħmlu.”
Il-Ministru responsabbli mill-edukazzjoni, Clifton Grima, iddeskriva lill-MCAST bħala sieħba strateġika fil-qasam soċjoekonomiku. Qal ukoll li kienet inġusta li dawn l-istudenti ma kinux jingħataw il-warrant.
Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo-Azzopardi, qal li bħalissa ninsabu fi żmien meta l-ekonomija tagħna qed tinbidel, fosthom fejn tidħol id-dekarbonizzazzjoni, u li dan se jseħħ b’riżultat ta’ ħidmet l-inġiniera.