L-MCAST hija magħrufa għall-esperjenza fuq il-post tax-xogħol li toffri lill-istudenti, u permezz ta’ Memorandum of Understanding iffirmat dalgħodu, l-istudenti tal-arti tal-istitut se jingħataw din l-opportunità wkoll.
L-MCAST, Johann Strauss School of Music u l-Akkademja tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta iffirmaw ftehim kollaborattiv li jagħti l-possibilità lill-istudenti jattendu l-provi tal-orkestra, numru ta’ kunċerti b’xejn u l-opportunità li jattendu master classes professjonali ma’ mużiċisti internazzjonali u kif ukoll ikollhom aċċess għar-riżorsi edukattivi taż-żewġ istituzzjonijiet mużikali.
Ic-Chairman tad-diretturi tal-MCAST, Silvio Debono, fisser kif minkejja li din il-kollaborazzjoni hija immirata li tolqot l-istudenti tal-‘performing arts’ hija miftuħa wkoll għal studenti oħra tal-MCAST. Filwaqt li l-Kap Eżekuttiv tal-Istituzzjoni, Stephen Cachia stqarr li l-kollaborazzjoni se ssaħħaħ it-taħriġ offrut f’ dan il-qasam, li l-MCAST ilu biss sentejn joffri.
Min-naħa tal-għaqdiet mużikali, kemm Sigmund Mifsud u kif ukoll Mary Ann Cauchi, mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta u l-Johann Strauss School of Music rispettivament, aċċennaw dwar l-importanza li l-żgħażagħ li għandhom namra lejn dan il-qasam mhux biss jibdew jieħdu bis-serjeta l-prospettiva li l-mużika tista’ tkun karriera professjonali, iżda jingħataw ir-riżorsi edukattivi biex jilħqu l-aspirazzjonijiet mużikali tagħhom.
Il-Memorandum of Understanding kien iffirmat quddiem il-Minsitru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo, u l-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici.